Id-dawl sar lussu
Żgur li fl-2026, li jkollok id-dawl fid-dar tiegħek ma jistax jitqies kapriċċ.
In-nies qed iħallsu l-prezz ta’ Gvern li ġab l-infrastruttura għarkopptejha; eluf ta’ Maltin bla dawl jew bi problemi ta’ vultaġġ
Sajf ieħor imma l-problemi baqgħu l-istess. Donnu li f’pajjiżna fis-sajf, li jkollok id-dawl sar lussu.
Issa l-familji Maltin ilhom tal-anqas erbat isjuf bi qtugħ ta’ dawl u problemi ta’ vultaġġ. Fl-aħħar sigħat eluf ta’ nies spiċċaw bla dawl u kellhom iqattgħu l-lejl fi sħana kbira.
Dan kollu hu tort ta’ Gvern li ġab l-infrastruttura ta’ pajjiżna għarkopptejha u għal snin twal telaqha għal riħha, minkejja ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.
Minkejja l-inkonvenjent ta’ toroq maqlugħin għal tħaffir ta’ trinek, u minkejja x-xogħol kbir li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Enemalta, jidher ċar li dan il-Gvern falla għalkollox fl-ippjanar tas-sistema tal-elettriku, u l-prezz qed iħallsuh in-nies.
Bosta persuni qed ikollhom iħallsu spejjeż għal ħsarat fl-appliances minħabba problemi ta’ vultaġġ, u qed jarmu ikel li jkun telaq minħabba l-qtugħ tad-dawl.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal aktar serjetà u kompetenza fi bżonn bażiku bħal ma hu l-elettriku.
Żgur li fl-2026, li jkollok id-dawl fid-dar tiegħek ma jistax jitqies kapriċċ.
Imma donnu taħt dan il-Gvern, anke d-dawl sar lussu.
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
17.07.2026
- Ara l-messaġġ tax-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent hawn.