Id-dewmien biex jingħata appuntament għal screening dwar mard li jittieħed sesswalment mhux aċċettabbli
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b'dispjaċir dak li qiegħed jigi rrapurtat fil-media u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien biex persuna tingħata appuntament għal screening dwar mard li jittieħed sesswalment.
Il-PN jinsisti li għandu jkun hemm walk-in clinic effiċjenti li tkun miftuħa għal ħinijiet twal, inkluż fi tmiem il-ġimgħa
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir dak li qiegħed jigi rrapurtat fil-media u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien biex persuna tingħata appuntament għal screening dwar mard li jittieħed sesswalment.
Skont storja ppubblikata llum mit-Times of Malta, rapporti dwar każi ta’ infezzjonijiet trażmessi sesswalment f’pajjiżna żdiedu b’ħames darbiet fl-aħħar għaxar snin, u dan qed ipoġġi pressjoni fuq is-servizzi ta’ screening bil-konsegwenza li hemm pazjenti li qed jiffaċċjaw stennija ta’ disa’ xhur biex jingħataw appuntament. B’xi wħud jilmentaw ukoll li qed idumu biex jingħataw appuntament, inkella li mhux qed jirnexxilhom jibbukkjaw test.
Filwaqt li napprezzaw ix-xogħol siewi tal-professjonisti f’dan il-qasam, ninkwetaw dwar dewmien li jista’ jwassal biex l-infezzjonijiet ikomplu jinfirxu. Dan id-dewmien mhuwiex aċċettabbli.
Il-PN jibqa’ jinsisti li għandu jkun hemm walk-in clinic effiċjenti miftuħa għal ħinijiet twal, inkluż fi tmiem il-gimgħa.
Taħt Gvern Laburista, anke riżultat ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni, il-poplu jibqa’ jbati l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ppjanar u jqatta’ ħafna ħin jistenna. Dan id-dewmien żejjed jġib miegħu inkonvenjent kbir lill-pazjenti, minbarra l-fatt li jista’ jkun ta’ detriment għal saħħithom.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li s-saħħa tal-individwu għandha tingħata prijorità f’kull ċirkostanza.
Jinsisti wkoll li l-ippjanar fl-immedjat, kif ukoll fit-tul, għandu jindirizza b’mod effettiv, u mingħajr dewmien, il-ħtiġijiet tal-pazjenti.
Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa 31.08.2026