Il-familji jixirqilhom gvern li jindirizza l-problemi taghhom u mhux gvern negattiv, moħħu biex ikun partiġjan
Huwa ċar li l-Partit Laburista jinsab f’paniku wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żamm kelmtu u wettaq il-wegħdiet kollha li għamel fl-ewwel mitt jum tiegħu fil-kariga ta’ Kap tal-PN.
Mitt jum li matulhom il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg kompla juri li huwa Oppożizzjoni kostruttiva u offra viżjoni ċara għal pajjiżna bħala gvern alternattiv.
Fl-istqarrija tiegħu tal-lum dwar il-100 jum ta’ Alex Borg, il-Labour tkellem dwar il-mediċini, imma ma qalilniex li dak li qed jitkellmu dwaru l-ispiżjara, it-tobba u l-importaturi huma ż-żidiet fil-mediċini kaġun tat-tariffi esaġerati li impona l-Gvern fuq ir-reġistrazzjoni tal-mediċini b’avviż legali li ddaħħal inkiss inkiss wara l-budget. Tariffi li se jkomplu jżidu l-piżijiet fuq l-anzjani, il-vulnerabbli u l-morda.
Dwar il-four-day week, il-Labour ma qalilniex lanqas li l-ġimgħa ta’ xogħol iqsar teżisti f’ħafna pajjiżi differenti u kull fejn tħaddmet, il-produttività żdiedet. Ma qalilniex lanqas li l-GWU, il-UĦM Voice of the Workers u saħanistra l-MEP Laburista Thomas Bajada stess jaqblu ma’ din il-miżura li ġiet irrakkomandata mill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Bħalma ma qalilna mkien li l-PN diġà għamilha ċara li qabel tiġi implimentata, dwar din il-proposta trid issir konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u jrid jinħoloq mudell Malti wara li jkun hemm proġett pilota fis-settur pubbliku. Miżura bħal dan issaħħaħ il-bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-familja, waqt li tindirizza wkoll il-kwistjoni tar-rata baxxa tat-twelid, waqt li – kif iddikjaraw l-esperti – tista’ tikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fit-traffiku fit-toroq.
Fuq l-emendi biex il-ħarsien tal-ambjent isir parti mill-kostituzzjoni, il-Labour nesa jgħidilna li wara kampanja orkestrata li mexxa biex ibeżża’ lill-għaqdiet li b’xi mod se jintmessu d-delizzji tagħhom, fil-paniku li qabdu, dakinhar stess li tressqet il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni ressaq Green Paper dwar l-ambjent b’għaġla kbira biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa u mbagħad ħareġ jgħid li jrid jagħmel id-delizzji u t-tradizzjonijiet parti mill-kostituzzjoni hu. Imma llum stess ivvota kontra d-dilettanti tad-delizzji tradizzjonali li l-Gvern irid jeħdilhom l-art agrikola privata u jagħtiha lil terzi. Il-Labour ma qalilniex lanqas li għalkemm f’Malta vvota kontra l-emendi biex id-dritt tal-Maltin u l-Għawdxin li jgawdu l-ambjent ikun protett bil-kostituzzjoni, barra minn Malta għamel bil-kontra u fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti vvota favur dan id-dritt li jeżisti f’aktar minn 100 pajjiż.
Dwar il-pre-budget document, il-Partit Laburista nesa jgħidilna wkoll jekk hu ħariġx dokument ta’ qabel il-budget, u kemm-il darba ħareġ dan id-dokument fis-snin li għaddew, qabel kull budget li ressaq il-Gvern Laburista. Il-Partit Nazzjonalista ma joqgħodx jistenna l-budget biex jippubblika l-proposti tiegħu, u se jibqa’ joħroġ bil-miżuri li għandu bżonn pajjiżna anke mill-Oppożizzjoni – kif għamel Alex Borg ftit ilu meta ressaq lista ta’ 50 miżura biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dwar il-laqgħat li jkollu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, konvenjentement il-Partit Laburista ma qalilniex lanqas li kif diġà għamilha ċara Alex Borg, hu lest jiltaqa’ ma’ kulħadd, u hekk ukoll qed jiltaqa’ ma’ eks deputati b’rispett lejn il-ħidma li wettqu fi ħdan il-PN. Ma jfissirx li Alex Borg jaqbel mal-opinjonijiet u l-fehmiet differenti li jista’ jkollhom dawk kollha li jiltaqgħu miegħu. Imma l-Kap tal-PN jibqa’ determinat li jħaddem politika ta’ diskussjoni, konvinzjoni u għaqda – mhux politika ta’ esklużjoni kif jagħmel ħaddieħor.
Sfortunatament, iżda, minkejja l-isforzi ta’ Alex Borg biex naraw biss il-bandiera bajda u ħamra, il-Partit Laburista – għax jinsab f’paniku – jibqa’ għaddej b’politika negattiva u partiġjana, minflok jindirizza l-problemi tal-familji Maltin u Għawdxin, kif qed jagħmel il-PN immexxi minn Alex Borg.
16.12.2025