Il-ftehim il-ġdid li ħabbar il-Gvern jiftaħ diskussjoni sħiħa dwar l-awtonomija tal-Kunsill Lokali
L-Oppozizzjoni ilha twissi li l-Kunsilli Lokali qed jintużaw mill-Gvern kif jaqbillu u qed jorbothom bi ftehim li mhux dejjem huma ta’ vantaġġ għalihom.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom ikollhom l-awtonomija li jutilizzaw il-fondi allokati lilhom skont il-bżonnijiet tagħhom u mhux bilfors fi proġetti mnedija mill-Gvern
Il-ftehim ġdid ta’ €12.8 miljun bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali jqajjem mistoqsijiet kbar dwar it-trasparenza, l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali u, fuq kollox, jekk il-Kunsilli Lokali Għawdxin humiex inklużi f’din l-iskema.
Fl-2024 il-Gvern ħabbar ftehim ta’ €10 miljun bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Dan kien japplika għall-54 Kunsill Lokali biss – jiġifieri għall-Kunsilli Lokali ta’ Malta.
Fil-Budget tal-2026, il-Gvern iddeskriva l-ftehim tal-2024 bħala wieħed li saħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali filwaqt li ħabbar Framework Agreement ġdid ta’ €13.5 miljun, amministrat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u mifrux fuq numru ta’ snin.
Issa tħabbar ftehim ġdid ta’ €12.8 miljun għas-sentejn li ġejjin – b’differenza minn dak li tħabbar fil-Budget.
L-Oppozizzjoni ilha twissi li l-Kunsilli Lokali qed jintużaw mill-Gvern kif jaqbillu u qed jorbothom bi ftehim li mhux dejjem huma ta’ vantaġġ għalihom.
F’ġieħ it-trasparenza l-Gvern għandu jirrispondi:
- Dan il-ftehim il-ġdid huwa kontinwazzjoni tal-ftehim tal-2024 u li l-Kunsilli Lokali Għawdxin kienu esklużi minnu?
- Dan il-ftehim il-Ġdid ikopri lill-Kunsilli Lokali kollha inkluż lil Għawdex? Jekk iva, jista’ l-Gvern jgħid dan b’mod ċar u jispjega x’inbidel mill-ftehim tas-sena 2024? Jekk le, jista’ jispjega għaliex il-Kunsilli Għawdxin qed jerġgħu jitħallew barra?
- Fejn u kif intefqu l-€10 Miljun li kien ħabbar il-Gvern fl-2024?
- Liema huma l-123 proġett li l-Gvern qed jgħid li għamel? Dawn kienu kollha talbiet speċifiċi mill-Kunsilli Lokali jew huma proġetti li qed joħroġ bihom il-Gvern?
- Għaliex dan il-ftehim huwa marbut b’budget ta €12.8 Miljun minflok €13.5 Miljun kif imħabbar fil-budget?
- Fl-aħħar nett, x’kien is-sehem tas-Sindki fit-tfassill ta’ dan il-ftehim?
Quddiem dawn il-mistoqsijiet, il-Gvern għandu jagħti spjegazzjoni u jippubblika rendikont sħiħ li juri f’liema lokalitajiet saru dawn il-proġetti, kemm sewa kull proġett, fiex kien jikkonsisti l-proġett u jekk ix-xogħol sarx mill-Public Works jew minn kuntratturi privati.
Jeħtieġ ukoll jiġi ċċarat jekk it-€12.8 miljun humiex fondi kompletament ġodda u addizzjonali għall-€10 miljun preċedenti.
Iktar minn hekk, il-Gvern għandu jiċċara: min jikkontrolla l-fondi, min jagħżel il-kuntratturi, min japprova l-ispejjeż.
Barra minn hekk, jekk il-Baġit 2026 ħabbar Framework Agreement ġdid ta’ €13.5 miljun, għaliex il-ftehim li issa ġie mħabbar huwa ta’ €12.8 miljun? Il-Gvern għandu jispjega d-differenza ta €700,000.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ kull investiment fil-lokalitajiet, iżda ma’ kull investiment għandu jkun hemm trasparenza, kontabbiltà u għandu jinbet mill-awtonomija reali għall-Kunsilli Lokali u mhux ikun impost bi proġetti mill-Gvern Ċentrali.
Dan il-ftehim huwa daqqa oħra għall-awtonomija tal-Kunsilli Lokali għaliex minflok il-Gvern jgħaddi l-flus lill-Kunsilli Lokali biex jonfquhom fejn verament għandha bżonn il-lokalità u r-residenti tagħha, qed jagħżel li jkompli jżomm il-poteri kollha f’idejh sabiex ikun jista’ jkompli jikkontrolla fejn u b’kemm isir xogħol fil-lokalitajiet.
Dan il-ftehim ikompli jnawwar is-saħħa tal-Kunsilli Lokali bħal ma għamel il-Gvern Laburista tul it-13-il sena li ilu fil-Gvern meta fost oħrajn, neħħa t-toroq u neħħa l-infurzar lokali minn idejn il-Kunsilli Lokali. Ilkoll nafu li x-xogħlijiet u s-servizzi msemmija marru lura u mhux ’il quddiem minkejja l-ħafna wegħdi u ftaħir tal-Gvern. Minkejja dan, ta’ spiss l-ilmenti tar-residenti dwar dawn is-servizzi jispiċċaw f’ħoġor il-Kunsill li ħafna drabi ma jkollux kontroll fuq is-sitwazzjoni.
Il-Gvern għandu jwieġeb ċar u tond għall-mistoqsijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kunsilli Lokali u r-residenti għandhom dritt ikunu jafu x’qed jagħmel il-Gvern għal dawk li huwa jsejjaħ Gvernijiet Lokali iżda li fl-istess ħin mhux jafdhom biex jamministraw il-fondi pubbliċi skont kif jaħsbu li huwa l-aħjar għal-lokalitajiet tagħhom.
Bernice Bonello
Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
27.08.2026