Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista favur li ssir riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huwa favur li ssir riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u jinsab ħerqan li dan il-proċess jibda mingħajr aktar dewmien.

Fid-dawl ta’ dan, ilbieraħ filgħaxija l-Grupp Parlamentari tal-PN iddiskuta fid-dettall l-abbozz ta’ liġi li ġie ppubblikat nhar it-Tnejn u li permezz tiegħu l-Gvern irid jagħmel diversi emendi fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dan l-abbozz ta’ liġi tressaq b’għaġla kbira minħabba skadenzi li l-Gvern kien ilu konxju tagħhom. Minkejja dan, kien biss il-ġimgħa li għaddiet li b’mod informali l-Ministru għall-Ġustizzja avviċina lix-Shadow Minister għall-Ġustizzja biex jinfurmah dwar il-kontenut tal-abbozz ta’ liġi.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ u se jiżgura li kwalunkwe tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna jseħħ biss wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva u bil-parteċipazzjoni sħiħa mhux biss tal-partiti politiċi iżda tas-soċjetà ċivili kollha kemm hi kif ukoll taċ-ċittadini b’mod individwali.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jinsisti u se jiżgura li t-tfassil ta’ bidliet fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna ma jibqax isir bil-biċċiet u b’mod sporadiku kif qed jippretendi li jagħmel il-Gvern, iżda għandu jsir bħala parti minn proċess komprensiv u strutturat ta’ riforma sħiħa tal-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna mmexxi u ggwidat mill-President ta’ Malta bis-sehem tal-membri tal-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali. Dan għandu jsir biex tiġi mħarsa l-integrità tal-Kostituzzjoni bħala l-liġi suprema ta’ pajjiżna, u biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet kollha jaġixxu skont is-saltna tad-dritt, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u l-prinċipji demokratiċi li fuqhom huwa mibni l-Istat Malti.

Il-Partit Nazzjonalista diġà għandu diversi proposti dwar tibdil li jemmen li huwa meħtieġ li jsir fil-Kostituzzjoni u f’liġijiet oħra ta’ pajjiżna, fosthom:

  1. Il-ħatra u l-funzjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali;
  2. Il-ħatra u l-funzjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir;
  3. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia;
  4. Ir-riforma tax-xandir pubbliku;
  5. L-ambjent bħala dritt fundamentali;
  6. Il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija;
  7. Il-ħatra tal-Avukat Ġenerali;
  8. Id-dħul fis-seħħ tat-12-il Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali;
  9. It-twaqqif ta’ Kumitat Permanenti għall-Ġustizzja; u
  10. Riforma sħiħa fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.

Ma’ dawn iridu jiġu diskussi u kkunsidrati wkoll għadd kbir ta’ proposti oħra li saru minn partiti politiċi oħra, mis-soċjetà ċivili u minn ċittadini.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista huwa dejjem u f’kull ċirkostanza disponibbli biex meta ssejħilna l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta jiltaqa’ l-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali bil-għan li tiġi diskussa riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Karol Aquilina
Shadow Minister għall-Ġustizzja

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

21.05.2025