Il-Gvern għadu qed jinjora t-talba tal-Oppożizzjoni għal skrutinju dwar il-kollass tas-sistema tal-eID

L-inċident affettwa mhux biss lill-istudenti f’mument importanti u stressanti, iżda wkoll lil pazjenti u tobba, avukati, periti, negozji u professjonisti li ma setgħux jaċċessaw is-servizzi meħtieġa.

Il-Gvern għadu qed jinjora t-talba li l-Oppożizzjoni ressqet aktar minn ġimagħtejn ilu biex jiltaqa’ b’urġenza l-Kumitat Permanenti għall-Informatika, it-Teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali tal-Parlament dwar l-interruzzjoni serja fis-sistemi diġitali tal-Gvern tal-14 ta’ Lulju.

L-inċident seħħ meta għadd kbir ta’ studenti daħlu biex jiċċekkjaw ir-riżultati tal-MATSEC. Il-kollass tal-pjattaforma tal-eID, iżda, affettwa wkoll l-aċċess għal diversi servizzi pubbliċi essenzjali, fosthom MyHealth, eCourts, eApps, MyTax, is-sistema tar-Reġistru tal-Kumpaniji u s-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fil-15 ta’ Lulju, ir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat kitbu liċ-Chairperson, id-Deputat Laburista Ray Abela, u talbu laqgħa formali biex jiġu stabbiliti l-fatti u jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex każ bħal dan ma jerġax iseħħ. Sal-lum, iżda, il-Kumitat għadu ma tlaqqax.

Ġimagħtejn wara, l-Oppożizzjoni rċeviet biss nota li tirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-MITA dakinhar tal-inċident. Il-membri tal-Oppożizzjoni fakkru li t-talba tagħhom tmur ferm lil hinn minn dik l-istqarrija u reġgħu talbu formalment li l-Kumitat jiltaqa’. Dan anke fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Edukazzjoni fil-Parlament li l-problema kienet min-naħa tal-MITA u mhux tal-MATSEC. Però, sfortunatament, anke meta ntbagħtet l-aġenda għal laqgħa tal-Kumitat li ġiet imsejħa miċ-Chairperson għal wara s-sajf, din il-materja ma ġietx inkluża fuq l-aġenda tal-Kumitat.

L-inċident affettwa mhux biss lill-istudenti f’mument importanti u stressanti, iżda wkoll lil pazjenti u tobba, avukati, periti, negozji u professjonisti li ma setgħux jaċċessaw is-servizzi meħtieġa.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li jiġi stabbilit:

  • xi kkawża l-interruzzjoni u kemm damet;
  • liema servizzi u persuni ġew affettwati;
  • x’miżuri ttieħdu biex tiġi indirizzata;
  • jekk kienx hemm riskji għas-sigurtà, l-integrità jew id-disponibbiltà tad-data;
  • u x’se jsir biex inċident bħal dan ma jirrepetix ruħu.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni talbet li jidhru quddiem il-Kumitat rappreżentanti tal-MITA, tal-ministeri u tal-entitajiet responsabbli, kif ukoll tas-servizzi pubbliċi milquta, biex jagħtu rendikont tekniku u amministrattiv sħiħ.

Madankollu, il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh u jżomm il-bibien magħluqa għall-iskrutinju parlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-trasformazzjoni diġitali ma tistax tkun kredibbli jekk is-sistemi li fuqhom jiddependu ċ-ċittadini, in-negozji u l-professjonisti ma jkunux siguri, affidabbli u kapaċi jifilħu għad-domanda. Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jagħti lill-pubbliku t-tweġibiet li għandu dritt għalihom.

Michael Piccinino
Deputat tal-PN u Membru fil-Kumitat Permanenti għall-Informatika, Teknoloġija u Intelliġenza Artifiċjali

George Vital Zammit
Deputat tal-PN u Membru fil-Kumitat Permanenti għall-Informatika, Teknoloġija u Intelliġenza Artifiċjali

31.07.2026