Il-Gvern għandu jieqaf jieħu deċiżjonijiet li jolqtu lit-tfal mingħajr konsultazzjoni xierqa
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ġenituri jistħoqqilhom informazzjoni ċara dwar il-kriterji li qed jiġu applikati, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u x’mezzi ta’ appell jew rimedju huma disponibbli għalihom. Fuq kollox, deċiżjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal għandhom jittieħdu b’mod trasparenti, ġust u fl-aħjar interess tagħhom.
Dak li kkonkluda l-Ombudsman – wara investigazzjonijiet li kienu qed jitmexxew mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni – dwar id-dħul fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi tal-Wardija jikxfu aġir inkwetanti min-naħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni: deċiżjonijiet li jolqtu tfal b’diżabilità u l-familji tagħhom, kif ukoll lill-edukaturi, jidhru li ġew trattati bħala deċiżjonijiet diġà meħuda aktar milli bħala materji li jeħtieġu trasparenza, konsultazzjoni xierqa, rispett lejn il-proċeduri stabbiliti u ppjanar serju bil-quddiem.
Din mhijiex sempliċiment kwistjoni amministrattiva. Wara kull deċiżjoni dwar dħul f’dan iċ-Ċentru hemm tifel jew tifla, familja u d-dritt li t-tfal jingħataw edukazzjoni f’ambjent adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.
Huwa partikolarment inkwetanti li kellu jintervjeni l-Ombudsman u li l-mod kif mexa l-Ministeru nstab li ma kienx adegwat. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jaħdem fuq il-bażi li l-ewwel jieħu d-deċiżjonijiet u mbagħad jindirizza l-konsegwenzi tagħhom, l-oġġezzjonijiet u l-iskrutinju istituzzjonali wara.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ġenituri jistħoqqilhom informazzjoni ċara dwar il-kriterji li qed jiġu applikati, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u x’mezzi ta’ appell jew rimedju huma disponibbli għalihom. Fuq kollox, deċiżjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal għandhom jittieħdu b’mod trasparenti, ġust u fl-aħjar interess tagħhom.
L-intervent tal-Ombudsman għandu għalhekk jitqies bħala opportunità biex il-Ministeru jirranġa dak li mhuwiex jaħdem kif suppost, u mhux bħala sempliċi formalità li trid titwettaq.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex jippubblika l-impenji li daħal għalihom mal-Ombudsman, jispjega b’mod preċiż x’bidliet se jsiru fil-proċess tal-admissions u jiggarantixxi li l-familji milquta minn dawn id-deċiżjonijiet jingħataw proċess ġust u trasparenti minn issa ’l quddiem.
Il-politika edukattiva ma tistax tinbena fuq deċiżjonijiet meħuda minn qabel u ppreżentati bħala fatt komplut. Għandha tinbena madwar it-tfal, il-familji tagħhom, il-ġustizzja u r-responsabbiltà.
Il-Gvern għandu jagħti lill-ġenituri u lit-tfal xejn inqas minn hekk.
Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza
Graziella Galea
Shadow Minister għall-Inklużjoni
18.08.2026