Il-Gvern għandu jieqaf jilgħab bis-saħħa tal-Maltin
Għaxar snin ilu l-Gvern Laburista fetaħ investigazzjoni dwar dak li sejjaħ “konkos difettuż” f’Mater Dei.
Illum, għaxar snin wara, l-istess Gvern Laburista qed jgħid li dan m’għadux difettuż, tant li se jibni fuqu.
Il-Gvern Laburista għandu ħabta jilgħab bis-saħħa tal-poplu.
Gvern serju li verament ipoġġi s-saħħa ta’ niesu fuq quddiem ma kienx jabbanduna sptarijiet tant importanti bħalma għamel għal snin twal b’St Lukes, Karen Grech u l-isptar Boffa biex insemmu biss ftit, meta fl-istess waqt ikun qed iżid il-popolazzjoni u l-istress fuq is-sistema tas-saħħa b’mod qawwi.
Issa, li jinteressa lill-poplu mhux il-logħob partiġjan, imma l-verità u servizz tas-saħħa li jaqdih kif jixraqlu.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li se jiġi estiż l-Isptar Mater Dei u jistaqsi:
- Issa li l-Gvern ikkonferma li mhux se jinbena sptar ġdid tas-saħħa mentali kif kien wiegħed, se jibni swali ġodda għas-saħħa mentali jew le?
- Id-dipartiment tal-emerġenza se jiġi estiż jew le?
- Jekk se jinbena, dan se jinbena fejn kien ippjanat jew hemm pjanijiet ġodda?
- Meta se jibda u meta se jitlesta?
- Kemm se jiswa?
- Xi pjan hemm biex la jistlesta jkun hemm ħaddiema Maltin kwalifikati biex jaħdmu fihom? X’sar b’mod konkret fl-aħħar snin biex iħajjar studenti żgħażagħ jidħlu f’dan il-qasam?
Is-saħħa mhix logħba politika. Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt ikollhom it-tweġibiet daqskemm għandhom dritt għal servizz tas-saħħa denju.
Adrian Delia
Shadow Minister għas-Saħħa
Ian Vassallo
Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali
26.05.2025