Il-Gvern għandu jikkjarifika l-fatti fil-każ tat-tifel Taljan ta’ 15-il sena li ilu arrestat f’Malta mill-aħħar ta’ Mejju
Il-Gvern għandu obbligu li jwieġeb. U għandu jwieġeb issa, qabel ma tkompli ssir aktar ħsara.
Għandu jispjega għalfejn it-tifel ilu 70 jum f’iżolament u għalfejn inżamm 22 siegħa kuljum magħluq fiċ-ċella tant li skont il-ġenituri għamel ħsara lilu nnifsu – każ li qed jingħata prominenza fil-media Taljana wara intervent tal-Farnesina
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern jipprovdi tweġibiet u jikkjarifika l-fatti fil-każ tat-tifel Taljan ta’ 15-il sena li ilu jinżamm f’iżolament għal madwar 70 jum wara li kien arrestat fil-25 ta’ Mejju.
Filwaqt li ħadd m’għandu jindaħal fil-proċeduri kriminali jew jippreġudika l-akkużi miġjuba kontrih, skont ir-rapport fil-media – inkluż dik Taljana – jidher li l-Gvern Malti għandu ħafna xi jwieġeb dwar kif ġie trattat dan it-tifel u hemm diversi mistoqsijiet li jistħoqqilhom tweġiba ċara.
Aktar u aktar meta f’dan il-każ kellu jidħol direttament il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Taljan u qed isiru anke interventi mill-Ambaxxata Taljana f’Malta mal-awtoritajiet Maltin, bil-każ ta’ dan it-tifel spiċċa jingħata prominenza fil-media barranija u allura qed jesponi lil Malta barra minn xtutna.
Il-Gvern Malti għandu immedjatament iwieġeb għall-allegazzjonijiet serji li qed isiru f’dan il-każ, fosthom dwar kif ġie trattat dan iċ-ċittadin Taljan waqt li jinsab fil-kustodja tal-awtoritajiet tal-ħabs f’Malta.
Fost l-oħrajn kien rappurtat li inizjalment dan it-tifel inżamm għal xi jiem f’Diviżjoni 6 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – fejn għadda minn stress psikoloġiku qawwi tant li allegatament għamel ħsara lilu nnifsu, u li wara li ġie trasferit lejn it-taqsima tal-minuri (YORS), għal madwar 35 jum kien jinżamm magħluq fiċ-ċella tiegħu għal madwar 22 siegħa kuljum, kien jiekol bilwieqfa u għal tlett ijiem lanqas biss ingħata pożati biex jiekol.
Jekk dawn il-fatti rrakkontati mill-ġenituri tat-tifel jiġu kkonfermati, ma nkunux qed nitkellmu fuq sempliċi nuqqas amministrattiv. Inkunu qed nitkellmu fuq possibbli ksur serju tad-drittijiet fundamentali ta’ minuri. U jekk hu hekk, il-Gvern ma jistax sempliċiment jgħid li l-każ jinsab quddiem il-Qorti qisu ma ġara xejn. Għax filwaqt li l-Qorti tiddeċiedi dwar ħtija jew innoċenza, huwa l-Istat li jrid iwieġeb għall-kundizzjonijiet ta’ dentenzjoni li jinżamm fihom priġunier.
Skont rapporti, il-ġenituri ta’ dan it-tifel, li jistgħu jżuruh biss darba f’ġimgħa għal ħin qasir, ilmentaw minn nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar il-każ ta’ binhom min-naħa tal-awtoritajiet tal-ħabs u dan wassalhom biex jitkellmu mal-media Taljana. Jidher ukoll li l-każ tressaq ukoll quddiem il-Parlament Taljan.
Il-PN ifakkar li l-istandards Ewropej huma ċari ħafna: meta persuna tinżamm għal aktar minn 22 siegħa kuljum mingħajr kuntatt uman sinifikanti, dan jista’ jammonta għal solitary confinement. U meta qed nitkellmu fuq minorenni, il-livell ta’ protezzjoni għandu jkun ogħla, mhux aktar baxx. Tifel ta’ 15-il sena ma jistax jiġi amministrat bħallikieku hu priġunier adult.
Dan minbarra li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jipproteġu persuni bħal dawn minn trattament inuman jew degradanti.
Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lill-Ministru responsabbli biex iwieġeb pubblikament u mingħajr logħob bil-kliem dawn id-domandi:
- Għaliex minuri ta’ 15-il sena tqiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
- Kemm dam hemm u taħt liema reġim inżamm?
- Huwa minnu li kien jinżamm magħluq fiċ-ċella għal madwar 22 siegħa kuljum? Jekk iva, għal kemm żmien u fuq liema bażi?
- Wara l-allegat self-harm, liema assessjar psikoloġiku u psikjatriku sar?
- Tfassal safeguarding plan?
- Kien hemm monitoraġġ speċifiku ta’ riskju ta’ aktar self-harm?
- Kemm kien qed jingħata ħin ta’ edukazzjoni, rikreazzjoni, attività fiżika u kuntatt uman?
- U min kien responsabbli biex jassigura li l-istandards speċifiċi għall-minuri kienu qed jiġu osservati?
Jekk il-Farnesina kellha tidħol biex tipproteġi ċittadin Taljan ta’ 15-il sena miżmum f’Malta, allura l-Gvern Malti għandu jkun l-ewwel wieħed li jrid juri li m’għandu xejn x’jaħbi.
Il-Gvern għandu obbligu li jwieġeb. U għandu jwieġeb issa, qabel ma tkompli ssir aktar ħsara.
Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà
08.08.2026