Il-Gvern għandu jikkumpensa lin-negozji milquta mill-qtugħ tad-dawl

Mhux aċċettabbli li negozji li jaħdmu matul is-sena kollha, iħallsu t-taxxi u joħolqu l-impjiegi, jitħallew waħedhom jerfgħu l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern.

Il-kriżi tal-elettriku qed twassal biex saħanistra rajna negozji kostretti jagħlqu, apparti dawk li tilfu sigħat sħaħ ta’ xogħol u ġarrbu ħsarat fl-apparat tagħhom

Il-qtugħ ripetut u fit-tul tal-provvista tal-elettriku f’diversi lokalitajiet qed iħalli konsegwenzi serji fuq il-familji u n-negozji, speċjalment dawk self-employed, żgħar u medji.

Matul dawn l-aħħar jiem rajna negozji kostretti jagħlqu, jitilfu sigħat sħaħ ta’ xogħol, jarmu prodotti u ikel, u jiffaċċjaw ħsarat fl-apparat tagħhom. Dan wassal għal telf sostanzjali ta’ dħul u spejjeż li ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Parlament u jinsisti li l-Gvern għandu jintroduċi minnufih sistema ta’ kumpens awtomatiku għall-familji u n-negozji kollha li jkunu sofrew telf minħabba qtugħ fit-tul jew ripetut tal-elettriku.

Dan il-kumpens għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari u trasparenti, fosthom it-tul tal-qtugħ, il-ħsara lill-apparat, it-telf ta’ prodotti u stock, it-telf ta’ bejgħ u l-għeluq sfurzat tan-negozju. Il-proċess għandu jkun sempliċi, rapidu u mingħajr burokrazija żejda.

Mhux aċċettabbli li negozji li jaħdmu matul is-sena kollha, iħallsu t-taxxi u joħolqu l-impjiegi, jitħallew waħedhom jerfgħu l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern.

Il-problemi fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku mhumiex ġodda. Iż-żieda fil-popolazzjoni u fid-domanda għall-enerġija kienet magħrufa u prevedibbli. Il-Gvern kellu d-dmir jinvesti fil-ħin u jiżgura li l-infrastruttura tal-pajjiż tkun kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-familji u tal-ekonomija.

Ma jistax ikun li l-Gvern jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku, iżda mbagħad jonqos milli jiggarantixxi servizz bażiku u essenzjali bħall-provvista stabbli tal-elettriku. Ma nistgħux nitkellmu dwar ekonomija moderna meta n-negozju tagħna ma jkunux jistgħu jaqdu lill-klijenti jew ma jkunux jistgħu jipproċessaw il-ħlasijiet u negozji sħaħ ikollhom iwaqqfu l-operat tagħhom.

F’dan il-kuntest, nirringrazzjaw wkoll lil dawk in-negozji li, minkejja li huma stess kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet, fetħu l-bibien tagħhom u offrew għajnuna lill-komunità, fosthom postijiet fejn il-familji setgħu jistrieħu mis-sħana jew jiċċarġjaw apparat essenzjali.

Dawn l-inizjattivi juru s-solidarjetà u s-sens qawwi ta’ komunità li jeżisti fost in-negozji Maltin u Għawdxin. Madankollu, ma jistax ikun li n-negozji jkollhom jissostitwixxu lill-Istat minħabba n-nuqqas tiegħu li jipprovdi servizzi essenzjali.

Il-familji u n-negozji ma għandhomx jibqgħu jħallsu l-prezz tal-falliment tal-Gvern. Min ġarrab telf għandu jiġi kkumpensat b’mod sħiħ, ġust u mingħajr dewmien.

Michael Piccinino
Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi

22.07.2026