Il-Gvern għandu jipprovdi l-medicini kontra l-AIDS b’xejn lil kull min jeħtieġhom u jittrasforma l-GU Clinic f’Walk-in Clinic

Il-Gvern għandu jipprovdi l-medicini kontra l-AIDS b’xejn lil kull min jeħtieġhom u jittrasforma l-GU Clinic f’Walk-in Clinic

Fil-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-AIDS, il-PN ifakkar fl-obbligu li għandu l-Gvern li jipprovdi l-aqwa trattament u prevenzjoni għall-marda tal-AIDS

Fil-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-AIDS, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex ikun hawn iktar aċċessibilità għall-mediċini PrEP u PEP kontra l-AIDS u li dawn għandhom jingħataw b’xejn lil kull min jeħtieġhom.

Dawn il-medicini huma krucjali kemm bħala prevenzjoni kif ukoll bħala trattament għall-virus tal-HIV, li jwassal għall-marda tal-AIDS.  Din kienet wegħda elettorali miż-żewġ partiti, iżda l-Gvern għadu sal-ġurnata tal-lum ikaxkar saqajh.

F’dan il-jum, il-Partit Nazzjonalista jonora u jsellem lill-vittmi ta’ din il-marda, filwaqt li jerġa’ jikkommetti ruħu b’impenn u determinazzjoni sħiħa biex titnaqqas l-inċidenza tal-AIDS u biex ikun ta’ sostenn għal kull persuna milquta jew li tinsab f’riskju.

Skont l-UNAIDS, sal-2030, l-AIDS m’għandhiex tibqa’ theddida globali jekk id-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd ikunu mħarsa.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella għal għanijiet konkreti:

  • l-eliminazzjoni tal-istigma kontra l-persuni milquta bil-virus tal-HIV, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom;
  • aktar għarfien dwar il-mediċini li jwaqqfu r-riskju tat-tixrid tal-HIV minn persuni li jkunu meqjusa positive undetectable;
  • iktar aċċessibilità għall-mediċini PrEP u PEP u li għandhom jingħataw b’xejn lil kull min jeħtieġhom.

Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jkompli jinsisti fuq il-bżonn li l-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei wkoll tkun iktar aċċessibbli.  Dan għandu jsir billi l-klinika  tiġi trasformata f’Walk-in Clinic, biex tippromwovi prattika sesswali b’saħħitha.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jkun proattiv u mhux biss reattiv, billi jiffoka fuq soluzzjonijiet li jindirizzaw il-prevenzjoni, it-trattament, u l-appoġġ għall-persuni kollha li huma affettwati jew jinsabu f’riskju.

Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal

Adrian Delia
Shadow Minister għas-Saħħa

Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN)

01.12.2024