Il-Gvern għandu jippubblika minnufih il-prezz u l-kundizzjonijiet tal-ftehim għall-provista tal-gass ma’ BP
Il-Gvern għandu jippubblika minnufih il-prezz, il-kundizzjonijiet u l-garanziji kollha marbuta mal-ftehim il-ġdid għall-provista tal-LNG mal-kumpanija BP.
Wara li ħalla lil pajjiżna jasal fix-xifer fil-provista tal-gass, il-Gvern iffirma ftehim għal disa’ xhur biss; dan jerġa’ jqajjem dubji serji dwar is-sigurtà tal-provista tal-enerġija f’pajjiżna
Il-Gvern għandu jippubblika minnufih il-prezz, il-kundizzjonijiet u l-garanziji kollha marbuta mal-ftehim il-ġdid għall-provista tal-LNG mal-kumpanija BP.
Ilbieraħ, b’telefonata fuq is-Super One, il-Prim Ministru Abela ħabbar li l-Gvern iffirma ftehim għall-provista tal-gass lill-power station, ftit biss qabel ma f’Awwissu jiskadi l-arranġament eżistenti mas-SOCAR wara li għal snin sħaħ injora d-data ta’ skadenza li kien ilu jaf biha għaxar snin.
Issa ffirma ftehim li se jkopri biss disa’ xhur mingħajr ma ta l-ebda dettalji tal-prezz li se jkun qed jixtri bih.
Il-Partit Nazzjonalista jagħraf li l-enerġija hija qasam strateġiku għall-pajjiż – kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji. Għalhekk il-poplu għandu dritt ikun jaf: għaliex il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh sal-aħħar minuta biex jinnegozja għall-provista tal-gass? U fuq kollox, b’liema prezz?
Is-sitwazzjoni li wassal lill-pajjiż fiha dan il-Gvern anke fl-enerġija hija għal darba oħra riżultat tal-politika li qed jimxi biha f’ħafna oqsma kruċjali Robert Abela – dik ta’ management by crisis.
Anke fl-enerġija, minflok ippjana fit-tul, il-Gvern ħalla lil pajjiżna jasal fix-xifer u issa qed idoqq it-trombi bi ftehim temporanju, qasir u mingħajr ma nafu kemm se jiswa lill-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistenna li l-Gvern ikun trasparenti mal-poplu, jippubblika dan il-ftehim u jgħid xi prezz qed inħallsu għall-gass.
Il-Gvern għandu jieqaf jinħeba wara eżerċizzji tal-PR biex jipprova jnessi l-fatt li ma għandu l-ebda pjan fit-tul fl-ebda qasam. Il-Gvern Laburista kien wiegħed li sa din is-sena kien se jkollna pipeline għall-provista tal-gass biex ma niddependux iżjed fuq it-tanker f’Marsaxlokk. Imma anke hawn falla.
Fl-2026, il-Maltin u l-Għawdxin mhux biss jistennew li l-Gvern tagħhom iserrħilhom rashom dwar il-provista tal-enerġija fis-snin li ġejjin, imma għandhom ukoll id-dritt ikunu jafu kemm din se tkun qed tiswa lill-pajjiż u x’inhuma l-pjanijiet għall-ġejjieni.
Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Gvern ikun trasparenti fil-qasam tal-enerġija u jserraħ ras kulħadd li l-enerġija f’pajjiżna ma tinsabx f’riskju, anke wara li lbieraħ eluf ta’ familji bdew dan is-sajf bix-xemgħat u l-imriewaħ. Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Maltin u l-Għawdxin, u kull min jgħix jew iżur lil pajjiżna mhux se jerġgħu jkollhom jiffaċċjaw sajf ieħor ta’ qtugħ ta’ dawl.
Din żgur mhix il-ħolma tagħhom.
22.06.2026