Il-Gvern għandu jispjega għalfejn il-Malta Ranger Unit ġiet eskluża mill-management agreement il-ġdid tal-Marine Park taċ-Ċirkewwa
Fin-nuqqas ta’ spegjazzjoni ċara mingħand il-Gvern, ma tagħti tort lil ħadd li jasal għall-konklużjoni li dan huwa każ ieħor li juri kif il-Gvern Laburista taparsi jipproteġi l-ambjent fuq il-karta, imma bħal f’ħafna okkażjonijiet oħra meta mbagħad niġu għall-infurzar, jagħmel minn kollox biex dan ma jsirx u kulħadd jitħalla jagħmel li jrid.
Il-ħidma tal-MRU kienet qed tagħti riżultati konkreti fil-ħarsien tal-inħawi – każ ieħor li juri kif għall-Gvern Laburista l-ħarsien tal-ambjent huwa biss fuq il-karta
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jipprovdu spegjazzjoni ċara għad-deċiżjoni li ttieħdet li l-Malta Ranger Unit (MRU) tiġi eskluża mill-ftehim il-ġdid għat-tmexxija tal-Marine Park taċ-Ċirkewwa, minkejja li l-ħidma ta’ sorveljanza mwettqa mill-MRU f’dawn l-inħawi kienet qed tagħti riżultati pożittivi u kienet apprezzata minn dawk kollha li jużaw dan is-sit.
Il-Malta Ranger Unit kienet qed twettaq monitoraġġ regolari u tirrapporta illegalitajiet lill-pulizija u lill-awtoritajiet rilevanti, fosthom sajd illegali bil-harpoon matul il-lejl, tqegħid illegali ta’ xbieki u dgħajjes li jaqbżu l-limiti tal-veloċità.
Mhux hekk biss. Il-ħidma tal-MRU wasslet għal tnaqqis drastiku fl-illegalitajiet serji u għal titjib fil-ħajja marittima f’din iż-żona li hija meqjusa bħala l-aktar sit popolari mal-għaddasa minn fuq l-art (shore-diving) fil-pajjiż.
Fi kliem ieħor il-ħidma tal-MRU mhux biss tista’ tiġi deskritta bħala suċċess mill-aspett tal-ambjent marittimu imma wkoll investiment dirett f’niċċa ekonomika importanti bħalma huwa d-diving. Din id-deċiżjoni tmur ukoll kontra dak li ddikjara ftit ilu l-Ministru għat-Turiżmu fil-Parlament meta indika d-diving bħala wieħed mis-setturi li Malta għandha ssaħħaħ u tinvesti fih biex pajjiżna jkollu turiżmu ta’ kwalità.
Aktar inkwetanti huwa l-fatt li l-Professional Diving Schools Association (PDSA), li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-iskejjel tad-diving f’Malta, qalet li ma ġietx ikkonsultata dwar din id-deċiżjoni u li għadha ma tafx min se jkun responsabbli mill-monitoraġġ u l-ħarsien tas-sit wara li l-management tal-park u l-MTA ma ġeddewx il-ftehim mal-MRU mill-bidu ta’ Settembru li ġej.
L-Assoċjazzjoni stess faħħret il-ħidma tal-MRU u qalet li l-preżenza kontinwa tar-rangers kienet wasslet għal titjib sostanzjali fil-ħajja ta’ taħt il-baħar li jista’ jarah kulħadd, kif jarawh il-membri tagħha li jogħdsu regolarment f’dan il-post. Ħidma li issa mhux magħruf jekk hux se jitkompla u, jekk iva, minn min.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li żona protetta ma tistax tkun protetta biss fuq il-karta. Jeħtieġ monitoraġġ effettiv u kontinwu, infurzar u kollaborazzjoni ma’ dawk li għandhom esperjenza diretta f’dan ix-xogħol, u fuq il-post.
Għaldaqstant, il-Gvern għandu jgħid b’mod ċar għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni, min se jieħu post il-Malta Ranger Unit fil-monitoraġġ tal-illegalitajiet u kif se jiggarantixxi li l-progress li sar fil-ħarsien taċ-Ċirkewwa Marine Park ma jintilifx.
Fin-nuqqas ta’ spegjazzjoni ċara mingħand il-Gvern, ma tagħti tort lil ħadd li jasal għall-konklużjoni li dan huwa każ ieħor li juri kif il-Gvern Laburista taparsi jipproteġi l-ambjent fuq il-karta, imma bħal f’ħafna okkażjonijiet oħra meta mbagħad niġu għall-infurzar, jagħmel minn kollox biex dan ma jsirx u kulħadd jitħalla jagħmel li jrid.
Il-PN jappella wkoll lill-Gvern biex iserraħ ras kulħadd li ma hemm l-ebda raġuni moħbija wara din id-deċiżjoni kontra r-rangers tal-MRU li jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod volontarju u b’riżorsi limitati – ħidma li għaliha sfortunatament minflok jiġu ppremjati kultant jispiċċaw attakkati, kif ġara ftit jiem biss wara l-elezzjoni li għaddiet meta mingħajr evidenza ta’ xejn ġew akkużati minn kandidata Laburista li kienet għadha kif ġiet eletta, illum Segretarju Parlamentari, li jidħlu fi proprjetà privata mingħajr permess.
Alex Perici Calascione
Shadow Minister għat-Turiżmu
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
18.08.2026