Il-Gvern għandu jissottometti r-rapporti aġġornati mitluba mill-UNESCO dwar l-istatus tal-Belt Valletta bħala Sit ta’ Wirt Dinji mingħajr aktar dewmien

Il-wirt storiku, kulturali u naturali ta’ pajjiżna mhuwiex biss tifkira tal-passat, iżda patrimonju li aħna obbligati nħarsu u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet futuri.

L-organizzazzjoni internazzjonali ilha s-snin tiġri wara l-Gvern Malti – fl-2023 il-Ministru għall-Kultura kien wiegħed li se jiġu sottomessi sa tmiem dik is-sena

Il-wirt storiku, kulturali u naturali ta’ pajjiżna mhuwiex biss tifkira tal-passat, iżda patrimonju li aħna obbligati nħarsu u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Belt Valletta, bħala Sit ta’ Wirt Dinji rikonoxxut mill-UNESCO, hija simbolu tal-identità nazzjonali tagħna u ta’ valur universali li jmur lil hinn minn xtutna. Għaldaqstant huwa preokkupanti li l-Gvern Malti għadu ma ssottomettiex ir-rapporti aġġornati mitluba mill-UNESCO biex dan l-istatus ikun ikkonfermat.

Fl-2023, il-Ministru għall-Kultura ta’ dak iż-żmien kien ammetta li l-Gvern kien waqa’ lura fit-tħejjija tar-rapporti miltuba u kien wiegħed li dawn jiġu finalizzati u sottomessi sa tmiem dik is-sena – xi ħaġa li jidher li għadha ma ġratx tant li skont rapporti fil-media li ħarġu llum, issa l-UNESCO qed titlob li dawn jiġu sottomessi mingħajr aktar dewmien. L-istess organizzazzjoni internazzjonali, eventwalment kienet tat lill-Gvern sal-aħħar tal-2024 biex jippreżenta r-rapporti neċessarji. Dakinhar il-Gvern kien ipprova jserrħilna rasna li l-istatus tal-Belt bħala Patrimonju Dinji ma kien fl-ebda riskju.

Huwa dmir ta’ Malta li tonora l-obbligi internazzjonali li assumiet meta ssieħbet fil-konvenzjonijiet tal-UNESCO. Ir-rapport dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-Belt Valletta mhuwiex sempliċement eżerċizzju amministrattiv, iżda għodda essenzjali biex jiġi evalwat kif qed nipproteġu u nimmaniġġjaw wieħed mill-aktar teżori importanti tal-pajjiż – il-belt kapitali tagħna.

Il-UNESCO, li jidher li ilha s-snin tiġri wara l-Gvern f’dan il-każ, qed tenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib relatat mal-protezzjoni tal-kuntest storiku, il-veduti u l-karattru uniku tal-Belt Valletta.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħarsien tal-wirt storiku u nazzjonali tagħna m’għandux ikun kwistjoni ta’ kontroversja politika jew ta’ interessi partikolari, iżda responsabbiltà kollettiva. Pajjiż li jirrispetta l-istorja u l-kultura tiegħu huwa pajjiż li juri rispett lejn iċ-ċittadini tiegħu, lejn il-komunità internazzjonali u lejn dawk li għad iridu jiġu warajna.

Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex ir-rapport meħtieġ jitħejja u jiġi ppreżentat kemm jista’ jkun malajr, b’mod trasparenti, professjonali u bbażat fuq l-aqwa evidenza disponibbli.

Dan mhux biss biex Malta tissodisfa l-obbligi tagħha lejn l-UNESCO, iżda biex nagħtu prova konkreta tal-impenn tagħna lejn il-ħarsien ta’ dak li jagħmilna poplu u nazzjon. Bil-fatti, u mhux bil-kliem biss.

18.06.2026