Il-Gvern għandu jwieġeb għall-akkużi serji tal-eks kowċ nazzjonali tal-Water Polo Milan Ćirović

L-akkużi serji li għamel l-eks kowċ nazzjonali tal-Water Polo ma jistgħux jiġu injorati. M’hemmx lok ta’ ndħil politiku fl-isport.

Il-poplu għandu dritt ikun jaf min huma l-politiċi tal-Gvern li allegatament użaw l-isport għall-aġendi personali tagħhom u x’kien l-involviment tagħhom; il-Partit Nazzjonalista jiddeplora kull aġir li jagħmel ħsara lill-isport

L-akkużi serji li għamel l-eks kowċ nazzjonali tal-Water Polo ma jistgħux jiġu injorati. M’hemmx lok ta’ ndħil politiku fl-isport.

Fl-aħħar jiem, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel tal-Water Polo ta’ taħt l-20 sena, il-Montenegrin Milan Ćirović, irriżenja minn din il-kariga wara li fuq il-programm Man Up+ fuq NET Television allega li persuni b’rabta politika u b’aġendi personali – li nħbew wara ġurnalisti – għamlu ħsara lit-tim nazzjonali u lill-Water Polo Malti.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistaqsi lill-Gvern:

  • Min huma l-politiċi li għalihom irrefera Ćirović?
  • Il-Ministru responsabbli mill-Isport kien jaf b’dak li allegatament kien qed iseħħ?
  • Kien hemm xi ndħil politiku fil-każi li semma dan il-kowċ u fil-mod kif l-informazzjoni waslet għand il-media?
  • X’azzjoni se tittieħed biex jiġu stabbiliti l-fatti u tinġarr ir-responsabbiltà?
  • Il-każ qed jiġi investigat mill-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti, l-AIMS?

Il-Gvern għandu wkoll jgħid jekk hux se jordna investigazzjoni indipendenti u jippubblika kull komunikazzjoni rilevanti bejn persuni fil-gvern, SportMalta, l-ASA u entitajiet oħra involuti. L-isport Malti u l-atleti tagħna ma jistgħux jintużaw biex jiġu moqdija aġendi politiċi jew personali.

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora kull aġir, ikun ġej minn fejn ikun ġej, imma wisq aktar jekk ġej mid-dinja politika, li jagħmel ħsara lill-isport Malti u lill-isportivi tagħna.

Quddiem l-akkużi serji ta’ ndħil politiku li saru minn kowċ barrani u li wasslu biex dan jitlaq minn Malta, is-silenzju mhuwiex għażla.

Il-Ministru responsabbli għandu jagħti spjegazzjoni u tweġibiet ċari u immedjati dwar dan l-iskandlu li qed jiġi allegat.

Graham Bencini
Shadow Minister għall-Isport

18.08.2026