Il-Gvern ikompli jinjora lis-suldati stazzjonati fl-Imġarr, Għawdex

Għal diversi snin is-suldati stazzjonati fl-Imġarr Għawdex ġew imwiegħda post ġdid fejn jiġu rilokati. Dan s’issa baqa’ biss kliem fieragħ.

Il-kundizzjoni tal-post attwali ma tistax tkun agħar, fejn lanqas in-neċessitajiet sanitarji mhuma moqdija sew. Dawn huma kundizzjonijiet umiljanti u li ma jgħoddu għal ħadd.

Huwa tal-mistħija kif il-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Clint Camilleri injoraw totalment lil dawn is-suldati minkejja diversi appelli, wegħdiet u appuntamenti mħassrin ma’ min irid jaqdi dmiru lejn pajjiżu bħal ħaddieħor.

Għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista, li moħħu biss fil-ġlied intern, Gvern Nazzjonalista ġdid jiltaqa’ mal-korpi kostwiti u t-trade unions biex jinstab post alternattiv fl-Imġarr stess. Nifhmu li dan il-post alternattiv diġà ġie propost kemm-il darba u Gvern ġdid Nazzjonalista iwettaq dmiru mal-membri tal-Armata u jassigura li jkollhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jixirqilhom.

Alex Borg
Shadow Minister għal Għawdex

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi