Il-Gvern jadotta l-proposta tal-Oppożizzjoni dwar il-bins tal-iskart taħt l-art

Prova ta’ kemm il-PN qed joħroġ bi proposti studjati u bbażati fuq ir-riċerka

F’Awwissu 2025, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta d-dokument ta’ konsultazzjoni “Innaddfu lil Malta” – viżjoni konkreta u dettaljata dwar kif tista’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin permezz ta’ gbir aħjar tal-iskart, ambjent aktar nadif, u infrastruttura urbana moderna. Dak id-dokument twieled minn ricerka, konsultazzjonijiet, u impenn ġenwin mal-komunità.

Waħda mill-proposti ċentrali ta’ dak id-dokument kienet l-introduzzjoni ta’ bins tal-iskart taħt l-art f’żoni residenzjali u turistiċi. Il-Gvern, dak iż-żmien, ma laqax din il-proposta. Anzi, kien ħareġ jgħid li difficli titwettaq.

Issa, il-Gvern illum ħabbar l-installazzjoni ta’ dawn il-kontenituri tal-iskart taħt l-art f’għaxar żoni madwar Malta, kif ġie rrappurtat mill-MaltaToday.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ din id-deċiżjoni dwar proposta tal-Oppożizzjoni li l-Gvern Laburista issa qed jagħmilha tiegħu – proposta li minnha huwa l-poplu Malti li se jibbenefika.

Il-bins taħt l-art huma biss waħda mill-proposti tad-dokument “Innaddfu lil Malta” li jinkludi wkoll il-proposta li tiżdied il-frekwenza tal-ġbir permezz ta’ trakkijiet b’kompartimenti separati; flotot tal-iskart elettriċi; l-adozzjoni tat-teknologija intelliġenti li tgħin fl-ippjanar ta’ rotot aktar effiċjenti; infurzar aktar konsistenti tal-liġijiet eżistenti – inkluż l-obbligu li kuntratturi jnaddfu wara xogħlijiet tal-kostruzzjoni; u l-estensjoni ta’ sistemi ta’ stewards fuq il-mudell tal-Belt Valletta għal aktar lokalitajiet.

Id-dokument jirrikonoxxi wkoll li bajjiet, marinas, u żoni rurali jeħtieġu miżuri speċjalizzati.

Id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jadotta din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista turi b’mod ċar kemm il-PN qed iressaq proposti ta’ kwalità u saħanistra mill-oppożizzjoni qed iwettaq ħidma biex joħroġ b’soluzzjonijiet studjati li jkunu bbażati fuq riċerka serja u fl-interess nazzjonali.

B’dawn il-miżuri, il-Partit Nazzjonalista diġà qed iħalli impatt fuq il-pajjiż mill-bankijiet tal-oppożizzjoni, aħseb u ara x’jista’ jagħmel jekk ikun fil-gvern.

Eve Borg Bonello
Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika

06.04.2026