Il-Gvern jammetti l-problema bl-indafa u l-ġbir tal-iskart mit-toroq li ħoloq hu stess meta dgħajjef lill-kunsilli lokali
Huwa inutli li l-Gvern issa qed jammetti li l-indafa u l-ġbir tal-iskart mit-toroq huwa waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-Kunsilli Lokali meta din l-isfida essenzjalment inħolqot mill-Gvern stess bħala parti mill-istrateġija tiegħu li jdgħajjef l-istess kunsilli lokali.
Il-PN itenni s-sejħa tiegħu biex il-kunsilli lokali jerġgħu jingħataw ir-responsabbiltà sħiħa li kellhom għall-ġbir tal-iskart fil-lokalitajiet
Il-karba tar-residenti ta’ Tas-Sliema, is-Swieqi, San Ġiljan u ħafna lokalitajiet oħra dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tal-iskart matul dan is-sajf hija biss riżultat dirett tad-deciżjonijiet tal-Gvern illi jkompli jnaqqas il-poteri tal-kunsilli lokali u f’dan il-każ jimponi sistema ċentralizzata li issa huwa ċar li falliet għalkollox.
Ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet qed jiffaċċjaw ta’ kuljum sitwazzjoni ta’ skart miġbur f’boroż f’munzelli li spiss minn fuq il-bankini jispiċċaw ġot-triq.
Din hija sitwazzjoni inaċċettabli kull fejn tiġri u hija ta’ riskju għas-saħħa tar-residenti.
F’lokalitajiet turistiċi, imbagħad, l-inkonvenjent jikber u jsir fattur ta’ ħsara għall-pajjiż bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità. Dan aktar u aktar meta l-qabża mill-kwantità għall-kwalità hija essenzjali u urġenti.
Il-kunsilli lokali għandhom jingħataw mill-ġdid ir-responsabbiltà sħiħa li kellhom għall-ġbir tal-iskart fil-lokalitajiet individwali tagħhom.
F’dan is-sens ukoll il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ biex fondi li jkunu ġejjin mill-ħlas tal-kontribuzzjoni ambjentali (eco-tax) mit-turisti jgħaddu għand il-kunsilli lokali fil-lokalitajiet li jkunu qed jitħallsu fihom, u jappella biex din is-sejħa tintlaqa’ mill-Gvern. Dan aktar u aktar meta issa din l-eco-tax żdiedet b’mod sostanzjali.
Huwa inutli li l-Gvern issa qed jammetti li l-indafa u l-ġbir tal-iskart mit-toroq huwa waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-Kunsilli Lokali meta din l-isfida essenzjalment inħolqot mill-Gvern stess bħala parti mill-istrateġija tiegħu li jdgħajjef l-istess kunsilli lokali.
Ir-residenti jixirqilhom tassew aħjar u l-prodott turistiku malti ma jistax jibqa’ jbati b’riżultat ta’ din l-istrateġija.
Alex Perici Calascione
Shadow Minister għat-Turiżmu
Bernice Bonello
Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
01.09.2026