Il-Gvern jerġa’ jwiegħed Riforma tal-Appelli li kien diġà fetaħha għall-konsultazzjoni fl-2023

L-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti li appell minn permess tal-ippjanar għandu jkollu effett reali u li xogħlijiet irriversibbli ma għandhomx jitħallew jitlestew waqt li l-legalità tal-permess tkun għadha qed tiġi kkontestata.

Il-PN jilqa’ dak li tħabbar illum imma dan hu biss parti mis-soluzzjoni: Malta teħtieġ riforma olistika u serja tas-sistema kollha tal-ippjanar

L-Oppożizzjoni ilha snin tinsisti li appell minn permess tal-ippjanar għandu jkollu effett reali u li xogħlijiet irriversibbli ma għandhomx jitħallew jitlestew waqt li l-legalità tal-permess tkun għadha qed tiġi kkontestata.

Illum il-Gvern reġa’ wiegħed din ir-riforma u wara li ħabbar il-pjan tiegħu, fetħu għall-konsultazzjoni pubblika. L-Oppożizzjoni tfakkar li l-Gvern Laburista kien diġà għamel proprju l-istess ħaġa fl-2023, imma mbagħad ħalla s-sistema difettuża fis-seħħ għal kważi tliet snin oħra.

Dan minbarra li f’nofs is-sajf tas-sena l-oħra, il-Gvern ressaq b’għaġla kbira żewġ abbozzi dwar l-ippjanar quddiem il-Parlament mingħajr ebda konsultazzjoni. Tant li wara l-oppożizzjoni qawwija mill-Partit Nazzjonalista, mill-pubbliku u mill-NGOs, il-Gvern ħallihom fuq l-aġenda parlamentari mingħajr ma mexxiehom ’il quddiem. Meta ġie xolt il-Parlament minħabba l-elezzjoni, dawk l-abbozzi waqgħu.

Issa l-Gvern Laburista qed jerġa’ jagħmel l-istess – qed jiftaħ konsultazzjoni pubblika fl-eqqel tas-sajf biex wara snin ta’ tkaxkir tas-saqajn, issa jrid jgħaddi l-liġi mill-Parlament hekk kif jerġa’ jiftaħ wara l-waqfa għas-sajf.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tilqa’ dak li tħabbar illum, tfakkar li ilha snin tinsisti li Malta għandha bżonn, b’mod urġenti, riforma olistika tas-sistema tal-ippjanar. Dak imħabbar illum jindirizza parti importanti mill-problema, iżda bl-ebda mod ma jista’ jiġi ppreżentat bħala r-riforma sħiħa li pajjiżna għandu bżonn u li l-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Maltin u l-Għawdxin ilhom jitolbu.

Meta, u jekk, l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta din ir-riforma jiġi ppubblikat u jitressaq quddiem il-Parlament, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jeżaminah fid-dettall u jagħmel il-konsultazzjoni meħtieġa.

L-Oppożizzjoni se tinsisti li jkun hemm ċarezza kemm għall-applikant kif ukoll għal dawk li jkunu oġġezzjonaw. Għal wisq żmien, is-sistema preżenti ħalliet lil kulħadd fl-inċertezza. Ħalliet xogħlijiet, u xi drabi żviluppi sħaħ, jitwettqu qabel ma jkun deċiż appell, biex imbagħad l-iżvilupp ikun laħaq inbena taħt permess li sussegwentement jiġi revokat – u meta jkun tard wisq.

Il-Partit Nazzjonalista jrid garanziji ċari dwar x’ried ifisser il-Prim Ministru, fl-istqarrija tal-Gvern, bil-kliem “appell relevanti”. Irridu ċarezza dwar jekk kull appell iwassalx għal sospensjoni awtomatika u, jekk le, liema appelli se jkunu koperti. Irridu wkoll garanziji ċari dwar min jista’ jappella, kif se jiġu trattati l-każijiet pendenti u liema riżorsi se jingħataw lit-Tribunal u lill-Qorti biex it-termini proposti jkunu jistgħu verament jiġu osservati.

Nilqgħu wkoll il-fatt li, skont dak imħabbar, il-Qorti se żżomm is-setgħa li tirrevoka permess u li se titneħħa l-proposta għal multa fuq appell meqjus frivolu.

L-appoġġ tagħna se jkun għal liġi li tagħti rimedju effettiv liċ-ċittadin, mingħajr lakuni, eċċezzjonijiet wisgħin jew restrizzjonijiet moħbija fuq id-dritt tal-appell. Intennu, iżda, li Malta għandha bżonn riforma olistika, serja u bbażata fuq konsultazzjoni li tindirizza s-sistema tal-ippjanar kollha kemm hi.

Il-mod kif l-ippjanar jiġi regolat f’pajjiżna għandu konsegwenzi profondi fuq is-soċjetà kollha. L-impatt tiegħu jmur ferm lil hinn mill-ippjanar u l-iżvilupp fihom infushom, għaliex jolqot direttament il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ippjanar

21.07.2026