Il-Gvern jibqa’ jgħaddas rasu fir-ramel fuq il-mudell ekonomiku u jinjora t-twissijiet tal-esperti tiegħu stess
Il-Gvern Laburista kompla jgħaddas rasu fir-ramel u jinsisti li l-ekonomija Maltija għandha tibqa’ tikber b’żieda fil-popolazzjoni. L-istimi tal-Gvern stess qed juru li pajjiżna għandu bżonn mal-14-il elf persuna aktar fis-sena biex isotni l-mudell ekonomiku li jemmen fih hu.
Il-Gvern Laburista kompla jgħaddas rasu fir-ramel u jinsisti li l-ekonomija Maltija għandha tibqa’ tikber b’żieda fil-popolazzjoni. L-istimi tal-Gvern stess qed juru li pajjiżna għandu bżonn mal-14-il elf persuna aktar fis-sena biex isotni l-mudell ekonomiku li jemmen fih hu.
Fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista u bosta msieħba soċjali wissew dwar il-periklu ta’ dan il-mudell ekonomiku u l-impatt li dan għandu fuq it-traffiku, il-provvista tad-dawl, l-isptarijiet, l-iskejjel u l-ibħra tagħna. Issa anke esperti mqabbda mill-Gvern Laburista stess qed jgħidulu l-istess.
Fl-aħħar xhur, u b’mod partikolari fid-diskussjonijiet li wasslu għall-Budget 2027, numru ta’ msieħba soċjali, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ u l-Malta Employers, appellaw għal bidla fundamentali fl-istrateġija ekonomika ta’ pajjiżna u wissew li pajjiżna ma jistax jiddependi fuq iż-żieda ta’ eluf oħra ta’ persuni fis-sena. Il-Kamra tal-Kummerċ saħansitra tat lid-dokument tagħha ta’ qabel il-Budget it-titlu Reset and Lead u saħqet fuq il-ħtieġa ta’ bidla minn mudell ibbażat fuq il-kwantità u ż-żieda fil-popolazzjoni għal wieħed ibbażat fuq il-kwalità, il-produttività u r-riformi strutturali.
Twissijiet simili qed isiru wkoll minn eks membri tal-Kabinett Laburista, ekonomisti indipendenti u minn diversi kummentaturi u opinjonisti ekonomiċi u politiċi.
Fl-aħħar jiem, iżda, bdew juru t-tħassib tagħhom anke esperti maħtura mill-Gvern Laburista stess.
Il-Malta Fiscal Advisory Council, grupp ta’ esperti magħżula apposta mill-Gvern Laburista, kien skjett dwar l-istess problemi u appella għal bidla lejn mudell ekonomiku mmexxi mill-produttività, aktar milli mit-tkabbir kontinwu tal-forza tax-xogħol u d-dipendenza fuq l-immigrazzjoni, filwaqt li wissa dwar il-pressjoni li dan qed joħloq fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi.
Wara l-Budget, tkellem ukoll il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, li wissa li it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta ma jistax jibqa’ jiddependi fuq żieda fil-popolazzjoni. Huwa appella għal mudell ekonomiku mibni fuq il-produttività u sejjaħ lill-Gvern biex ikun ‘sobriju’ u ‘dixxiplinat’.
L-istess stampa toħroġ ukoll mit-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ Novembru 2026, fejn din wissiet ukoll li l-impjiegi għadhom jiddependu ħafna fuq ħaddiema barranin.
Anke l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, fl-aħħar ġimgħat sostna li kien ilu snin twal iwissi dwar ir-riskji ta’ dan il-mudell ekonomiku. Saħansitra l-istess Ministru żvela li fl-2018 kien ħejja rapport ta’ kważi 300 paġna, li għalih tħallas €90,000. Ir-rapport kien wissa dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir tal-popolazzjoni fuq l-akkomodazzjoni, l-isptarijiet, l-iskejjel u t-toroq, iżda li kien twarrab mill-Gvern ta’ dak iż-żmien.
Il-kontradizzjonijiet dwar id-direzzjoni ekonomika, flimkien mad-differenzi dwar il-politika tal-Gvern, qed jikxfu nuqqas ta’ qbil intern dwar fejn għandu jmur il-pajjiż u dwar jekk il-mudell ekonomiku preżenti jistax jibqa’ jitħaddem bl-istess mod.
Kemm irid il-twissija oħra jrid jirċievi l-Gvern qabel ma jieqaf jinjora r-realtà? U jekk anke minn ġewwa l-Partit Laburista qed joħorġu vuċijiet li jikkontestaw id-direzzjoni preżenti, għaliex Robert Abela għadu jinsisti li kollox miexi kif suppost?
Il-pajjiż ma jistax jibqa’ jħallas il-prezz ta’ Gvern li jippreferi jżomm il-politika tiegħu milli jaffaċċja l-problemi li qed iwissuhom dwarhom kulħadd. Il-Gvern qed jagħżel li jdaħħal rasu fir-ramel, iżda issa qed jinduna li lanqas fi ħdan il-partit tiegħu stess ma għadu jista’ jitkellem b’vuċi waħda.
Il-Partit Nazzjonalista jipproponi evoluzzjoni gradwali tal-mudell ekonomiku ta’ Malta, mibnija fuq setturi ekonomiċi b’valur miżjud ogħla, produttività akbar u impjiegi ta’ kwalità aħjar. Aħna impenjati għal tranżizzjoni ppjanata u mmexxija b’għaqal, li tevita xokkijiet ekonomiċi u tkun ibbażata fuq pjan ta’ azzjoni ċar għal kull settur. Il-viżjoni tagħna hija ekonomija li toħloq aktar valur, twassal għal prosperità sostenibbli u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.
Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Kapitali
23.11.2026