Il-Gvern jivvota kontra emendi tal-PN biex insaħħu l-protezzjoni lill-uffiċjali tal-infurzar u ħaddiema fis-settur pubbliku
Fil-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi, il-Gvern Laburista jivvota kontra emendi li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament għall-Kodiċi Kriminali
Il-Gvern Laburista tant hu moħħu biss fih innifsu li anke fil-protezzjoni kontra l-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-infurzar u l-ħaddiema fis-settur pubbliku, jara biss x’vantaġġ politiku jista’ jieħu.
Minflok ingħaqad ma’ dak li hu sewwa, u ta’ ġid, ivvota kontrih.
Il-Partit Nazzjonalista kien qabel mal-emendi li jżidu l-pieni għal reati marbuta ma’ vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi anke jekk il-Gvern għażel li jattwahom snin wara li l-PN ressaq żewġ abbozzi oħra li jagħmlu propju dan (l-Abbozz 97 li tressaq fl-2011 matul il-Ħdax-il Leġislatura, kif ukoll l-Abbozz 25 li tressaq fis-sena 2013).
Iżda issa l-Gvern Laburista vvota kontra li jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri:
- Li kull persuna li tinstab ħatja ta’ reati ta’ vjolenza fuq uffiċjal pubbliku ma tkunx tista’ titlob li titneħħa s-sentenza tal-Qorti online għal perjodu ta’ 10 snin minn meta tinstab il-ħtija
- Li l-Qorti tkun tista’ toħroġ ordni ta’ servizz fil-komunità (community work) bla ħlas, flimkien u b’żieda mal-piena li tingħata, liema servizz lill-komunità jkun jista’ jinkludi li l-persuna tiġi assenjata mal-entità ta’ servizz pubbliku li l-vittma kien inkarigat magħha
- Li fl-uniku każ li tingħata l-probation, u ċioè reat taħt Artiklu 95 tal-Kodiċi Kriminali, din tibda tiġi tidher fuq iċ-ċertifikat tal-kondotta.
Matul il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista ppruvaw u spejgaw fit-tul il-ħsieb wara dawn l-emendi – iżda bl-iskuża ta’ gambetti legali, il-Gvern għażel li jwaqqaf – biex ma jmurx jidħlu fis-seħħ – l-emendi tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Gvern Laburista tilef opportunità oħra – fejn ipprefera eżerċizzju ta’ propaganda, milli jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista għall-ġid u l-protezzjoni kontra l-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-infurzar u l-ħaddiema fis-settur pubbliku.
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Intern is-Sigurtà u r-Riformi
05.02.2025