Il-Gvern li kkonfoffa biex jisraq lill-Maltin ikompli jigdbilhom f’wiċċhom
Il-Prim Ministru Robert Abela jrid ikompli jgħaddi ż-żmien bin-nies fuq is-serqa tal-isptarijiet.
Illum Robert Abela u sħabu fil-Parlament – waqt dibattitu b’urġenza mitlub mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg ilbieraħ – ippruvaw jagħtu l-impressjoni li xi ħadd qed jgħix fi ħrafa.
Jekk hawn xi ħadd qed jgħix fi ħrafa huma l-Prim Ministru u dawk li llum poġġew madwaru jiddefendu għal darba oħra l-kuntratt ta’ Steward li taparsi marru jiġġieldu fuqu fl-arbitraġġ li fetħu kontrihom ta’ Steward stess.
Żgur li mhux qed jgħixu fi ħrafa l-Maltin u l-Għawdxin li qed jagħmlu x-xhur u s-snin fuq il-waiting lists.
Żgur li mhux qed jgħixu fi ħrafa l-Maltin u l-Għawdxin li qed jagħmlu s-sigħat fl-emerġenza.
Żgur li mhux qed jgħixu fi ħrafa l-Maltin u l-Għawdxin li qegħdin bla mediċini li għandhom bżonn għax jinsabu out-of-stock.
Żgur li mhux qed jgħixu fi ħrafa l-Għawdxin li jkollhom jaħlu ħinhom u saħħithom jinżlu Malta biex jieħdu s-servizzi tas-saħħa li suppost jieħdu f’Għawdex.
Żgur li mhux qed jgħixu fi ħrafa dawk li jaqtgħu qalbhom jieħdu s-servizz mill-isptar kif għandhom dritt jieħdu u jispiċċaw joħorġu l-eluf minn bwiethom biex jieħdu servizz mill-privat.
Dawn mhux ħrafa qed jgħixu, imma ħolma kerha. U l-Prim Ministru u sħabu tant huma maqtugħin mit-tbatijiet tan-nies li ma jistgħu qatt jifhmuhom.
Il-ħrafa jirrakkontawha l-Prim Ministru u sħabu kull meta jgħidu li għamlu xi ħaġa biex jiddefendu lill-Maltin u l-Għawdxin fuq dan il-kuntratt.
Robert Abela ma jista’ qatt jitwemmen.
Għax kien Gvern Laburista li daħal f’kollużjoni ma’ Steward għal kuntratt li seraq lill-poplu.
Għax kien Gvern Laburista li dan id-deal frawdolenti baqa’ jiddefendih u baqa’ jippompja l-flus fih.
Għax kien Gvern Laburista li ġġieled biex dawn il-kuntratti ma jitħassrux fil-kawża li fetaħ Adrian Delia.
Għax kien Gvern Laburista li baqa’ jirrepeti l-gidba li Steward m’għandhomx iħallsu lura lanqas ċenteżmu lill-Maltin u l-Għawdxin.
L-ironija hi li dan l-istess Gvern Laburista mbagħad mar quddiem it-tribunal tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ jikkwota s-sentenza tal-kawża li fetaħ Adrian Delia u talab kważi €500 miljun fi flus lura mingħand Steward.
Robert Abela u sħabu spiċċaw iduru u jagħqdu. Iridu jkantaw vittorja.
Il-verità hi li filwaqt li marru jiġġieldu biex jieħdu lura l-flus tal-Maltin – u allura ammettew li dan id-deal kien wieħed frawdolenti – minflok ġew lura Malta bil-flus, ġew lura b’kont ieħor ta’ €5 miljuni. Imma jridu jbellgħuha lil xi ħadd li l-Maltin u l-Għawdxin rebħu xi ħaġa.
Il-Maltin u l-Għawdxin illum jafu li Gvern Laburista jiddefendi lil kulħadd minbarra lilhom.
L-aħħar konferma ta’ dan ingħatat propju fis-sentenza li Robert Abela llum poġġa fuq il-mejda tal-kamra, imma li għal xi raġuni nesa jikkwota:
“Sfortunatament, il-konċessjoni għal dawn l-isptarijiet spiċċat falliment u wasslet għal diversi proċeduri, inkluż quddiem il-Qrati ta’ Malta. Il-vittmi ewlenin ta’ dan il-falliment huma ċ-ċittadini ta’ Malta, li kienu ħerqana li permezz ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat jirċievu servizzi aħjar ta’ kura tas-saħħa f’ambjent ta’ sptar imtejjeb f’pajjiżhom sabiħ”.
Il-Maltin u l-Għawdxin ir-rebħa vera jagħmluha meta jkollhom gvern li jmur fil-Qrati jiddefendi lilhom u mhux lill-kriminali li jkunu serquhom.
10.11.2025