Il-Gvern ma jistax jibqa’ jħalli lit-tobba jġorru l-piż tal-iżbalji tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jitkellem dwar il-burnout li qed ibatu numru ta’ ħaddiema f’dan il-qasam u jinsisti li jekk mhux se nieħdu ħsieb ir-riżorsa umana u ninvestu aktar fit-tobba tagħna, se nkomplu nbatu konsegwenzi akbar fis-saħħa.

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal investiment serju biex inħarsu s-saħħa tat-tobba tagħna u s-saħħa tagħna

“Spiss li nitilqu huwa l-uniku mod kif nevitaw konsegwenzi serji ta’ saħħa mentali, inkluż is-suwiċidju”.

Meta t-tobba ta’ pajjiż iħossuhom daqstant waħedhom, u li wara snin twal ta’ studji u sagrifiċċji, l-unika soluzzjoni biex ma jbatux konsegwenzi koroh huwa li jitilqu minn xogħolhom, dan għandu jħassibna mhux ftit.

Fl-aħħar 13-il sena, mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista għamel il-ġlidiet għas-saħħa tal-Maltin fejn il-Gvern falla li jħarisha.

Dak li qed jingħad illum fl-artiklu tat-Times of Malta huwa r-riżultat ta’ Gvern li baqa’ jdeffes rasu fir-ramel fejn tidħol il-pressjoni tikber kuljum biz-zieda fil-popolazzjoni. Minkejja li żied il-popolazzjoni b’għexieren ta’ eluf ta’ nies fl-aħħar snin, il-Gvern ta’ Robert Abela naqas li jsaħħaħ is-servizzi u li jagħtihom ir-riżorsi li jeħtieġu. Mhux talli hekk, talli l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa kellhom jibqgħu joffru l-istess servizz li kienu jagħtu qabel l-isplużjoni fil-popolazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jitkellem dwar il-burnout li qed ibatu numru ta’ ħaddiema f’dan il-qasam u jinsisti li jekk mhux se nieħdu ħsieb ir-riżorsa umana u ninvestu aktar fit-tobba tagħna, se nkomplu nbatu konsegwenzi akbar fis-saħħa.

L-ebda bniedem m’għandu jkun mistenni jaħdem għal 32 siegħa sħaħ. Din mhix biss moħqrija, imma sigħat twal ta’ xogħol bħal dawn ipoġġu riskju kbir ħafna fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-persuna, kif ukoll riskju kbir jekk dak it-tabib wara ġurnata u nofs xogħol bla waqfien irid isuq biex imur lura lejn daru.

Il-kliem sabiħ ta’ qabel l-elezzjoni issa jrid jissarraf f’miżuri li jtejbu l-ħajja tan-nies.

Il-Labour wiegħed li l-post tax-xogħol joffri “sigurtà fiżika” u “sostenn psikoloġiku”, b’miżuri biex jiġi evitat l-istress. Wiegħed ukoll miżuri kontra r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u interventi bikrija.

Dak li qed tgħid l-għaqda Mental Health of Medics juri l-kuntrarju.

Fil-manifest elettorali tiegħu, il-Labour wiegħed li jtejjeb il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Imma bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Il-Partit Nazzjoinalista jappella biex il-Gvern jieħu dak li qed jgħidu t-tobba bis-serjetà u jibda jinvesti kif meħtieġ biex inħarsu l-professjonisti tagħna u s-servizzi tas-saħħa li fuqhom iserraħ il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jħalli lit-tobba tagħna jġorru l-piż tal-iżbalji tiegħu.

Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa

Eve Borg Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Ian Vassallo Hagi
Kelliem għall-Kwalità tal-Ħajja

28.09.2026