Il-Gvern ma jistax jinjora ż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ
Dan ifisser li ftit aktar minn 23% ta’ dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna, jew kwart tal-popolazzjoni li qed tirreġistra, illum huma żgħażagħ.
Statistika tal-NSO turi li f’Lulju r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet għal 9.8% fuq sena ilu – kważi kwart tal-popolazzjoni li qed tirreġistra għax-xogħol illum għandha bejn 15 u 24 sena
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għaż-żieda li reġa’ kien hemm fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ f’Lulju li għadda meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu.
Ċifri ppubblikati fl-aħħar jiem mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-qgħad f’Lulju 2026 żdied b’punt perċentwali minn 2.5% għal 3.5% fuq perjodu ta’ sena meta mqabbel ma’ Lulju 2025.
Li hu inwketanti f’din l-istatistika, iżda, huwa li kien hemm żieda sostanzjali fl-ammont ta’ żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq perjodu ta’ tnax-il xahar.
Fil-fatt ir-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena issa laħqet 9.8% li jfisser żieda ta’ 2.3 punti perċentwali fuq is-7.5% tal-istess perjodu tas-sena l-oħra – differenza kbira ma’ dik għall-persuni li għandhom aktar minn 24 sena (sal-età ta’ 74 sena), li tinsab fil-livell ta’ 2.9%.
Dan ifisser li ftit aktar minn 23% ta’ dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna, jew kwart tal-popolazzjoni li qed tirreġistra, illum huma żgħażagħ.
Iż-żieda fir-rata tal-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, tistona mal-ftaħir tal-Gvern li jibqa’ jitkellem dwar kemm l-ekonomija sejra tajjeb.
Huwa ċar li t-tkabbir ekonomiku mhux qed jinħass minn kulħadd, b’mod partikolari minn din il-kategorija tas-soċjetà. Għax filwaqt li l-ekonomija qed tikber, qed tiżdied ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ?
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi fejn huma l-impjiegi ta’ kwalità, u l-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ. Jappella wkoll lill-Gvern Laburista biex fid-dawl ta’ dan is-sitwazzjoni jinvesti aktar fil-ħiliet u fil-karrieri ta’ għada biex aktar żgħażagħ isibu l-opportunitajiet li jfittxu f’pajjiżna stess.
Huwa inutli li nitkellmu dwar tkabbir ekonomiku jekk żagħżugħ jew żagħżugħa li jkunu qed jibdew ħajjithom ma jkunux qed iħossu dan it-tkabbir.
Huwa inkwetanti l-fatt li aktar żgħażagħ qed isibu ruħhom jirreġistraw għax-xogħol, fl-aktar mument importanti ta’ ħajjithom meta jkunu qed jibdew jippruvaw jibnu karriera, jiffurmaw familja u jsiru sidien tal-ewwel proprjetà tagħhom.
Ekonomija b’saħħitha ma titkejjilx miċ-ċifri, imma minn kemm kapaċi tipprovdi futur lin-nies f’Malta stess mingħajr ma jkunu kostretti jaħsbuha jekk jitilqux minn pajjiżna biex isibu futur aħjar.
Julian Borg
Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol
Annabelle Cilia
Kelliema għax-Xogħol
Eve Borg Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali
01.09.2026