Il-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan illum u mhux jistenna sa Settembru

Bernard Grech jgħid li kull jum li jgħaddi qed jinqerdu aktar ħajjiet

Il-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi minnufih l-Istat Palestinjan u mhux joqgħod jistenna sa Settembru biex jagħmel dan.

Fi tweġiba għal Stqarrija Ministerjali tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li għalkemm huwa tajjeb li issa Robert Abela qalilna li kien se jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan, dan għandu jagħmlu minnufih u mhux jistenna sa Settembru.

Bernard Grech qal li jekk Robert Abela ma jistax jirrikonoxxi lil dan l-Istat, illum, għandu jgħidilna x’inhi r-raġuni.

Meta kellu l-opportunità jwieġeb, Robert Abela naqas milli jagħti r-raġuni għalfejn se jkompli jtawwal xahrejn oħra biex jirrikonoxxi lill-Istat tal-Palestina.

Bernard Grech qal li, filwaqt li l-Iżrael kellha kull dritt tiddefendi ruħha wara l-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu, meta nqabżet il-linja l-ħamra bl-attakki ritaljatorji sproporzjonati tal-Iżrael, l-Oppożizzjoni insistiet mal-Gvern biex jitkellem dwar dawn l-atroċitajiet u jirrikonoxxi lill-Istat Palestinjan.

Dan l-appell, flimkien ma’ dawk simili ta’ għaqdiet tas-soċjetajiet ċivili u esponenti oħrajn, waqgħu fuq widnejn torox u issa, wara li wiegħed li kien se jirrikonoxxi lill-Palestina bħala Stat sa Ġunju li għadda u dan baqa’ ma għamlux, reġa’ ġebbed iż-żmien u llum qed jgħid li se jirrikonoxxih f’Settembru.

Il-Partit Nazzjonalista u Malta minn dejjem kienu favur is-soluzzjoni ta’ żewġ stati u allura dan għandna nirrikonoxxuh immedjatament u bil-fatti.

Bernard Grech qal li kull ġurnata li tgħaddi, fejn dan l-istat mhux qed jiġi rikonoxxut, qed ikomplu jinqerdu l-ħajjiet.

Huwa temm billi reġa’ appella lil Robert Abela biex jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan illum qabel għada.

30.07.2025