Il-Gvern ta’ Abela jirrifjuta li jiddiskuti s-serqa tal-200kg droga għax insensittiv għat-tħassib tal-Maltin

Għal Abela u sħabu l-200kg droga li spiċċat tiġri fit-triq mhix materja ta’ urġenza; jerġa’ jagħżel lil Byron Camilleri flok  lill-Maltin

Għall-Gvern ta’ Abela, il-fatt li fit-toroq tagħna għandna 200kg droga ddur mas-saqajn mhix materja li għandha tkun diskussa fil-Parlament.

Akkost ta’ kollox, Robert Abela ma jridx diskussjoni imma jrid biss jitkellem waħdu dwar dan l-aħħar skandlu li ssarraf f’aktar droga tiġri f’pajjiżna.

Fil-Parlament, Abela u sħabu rrifjutaw it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex ikun diskuss dak li llum qed jitkellem fuqu l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan hekk kif ftit tal-ħin ilu l-Gvern oġġezzjona għat-talba tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex il-Parlament jiddibatti b’urġenza dan il-każ xokkanti li kien żvelat ilbieraħ. Il-Ministru Byron Camilleri lanqas biss kien preżenti fil-Parlament.

Wara li ma laqax ir-riżenja ta’ Byron Camilleri, Robert Abela qed ikompli juri kemm hu insensittiv għall-inkwiet ta’ ġenituri u qraba ta’ persuni bil-vizzju tad-droga u qed ikompli juri l-arroganza tiegħu billi ddeċieda li jitkellem hu biss u ma jħallix lill-Oppożizzjoni titkellem f’isem il-poplu f’din il-materja daqstant sensittiva.

Fil-Parlament għandna Gvern li mhux biss tilef kull responsabbiltà morali, imma huwa wkoll Gvern insensittiv li qabel kull tħassib u interess tal-poplu Malti u Għawdxi jpoġġi lil dawk ta’ ġewwa, u jiddefendihom kull darba li jonqsu lill-poplu.

24.02.2025