Il-Gvern tefa’ lil kulħadd fit-traffiku u għalaq għajnejh

Il-Gvern tefa’ lil kulħadd fit-traffiku u għalaq għajnejh

Abela ma jista’ qatt jifhem dak li eluf ta’ Maltin u Għawdxin jiffaċċjaw kuljum

M’hemm bżonn tal-ebda studju biex jikkonferma dak li kulħadd jaf. M’hemm bżonn tal-ebda stħarriġ biex jikkonferma r-realtà li jgħixu ta’ kuljum eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Il-Gvern ta’ Robert Abela u ta’ qablu ħolqu l-problema tat-traffiku u issa għalqu għajnejhom għat-tbatijiet tan-nies.

Il-Maltin ta’ kuljum qed jaħlu sigħat twal fil-karozzi tagħhom, imwaħħlin u frustrati, għax dan il-Gvern li suppost qed imexxi lil pajjiżna, jagħmel kollox bla pjan ta’ xejn.

M’hemmx bżonn studji biex jgħidulna dak li diġà nafu, għax kull meta noħorġu minn djarna nsibu ma’ wiċċna staġnar u dħaħen. Imma stħarriġ tat-Times of Malta jikkonferma dan kollu u jpoġġi t-traffiku, il-problema ta’ parkeġġ u n-nuqqas ta’ trasport pubbliku li tista’ toqgħod fuqu bħala l-akbar problema li għandu l-pajjiż u li għandhom il-maġġoranza tan-nies.

Kważi erba’ snin ilu, ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali l-Labour ppreżenta l-proġett tal-Metrò. Biex għamel dan nefaq aktar minn żewġ miljun ewro mit-taxxi tagħna. Kif għaddiet l-elezzjoni, remieh. Robert Abela u sħabu kienu jafu li dan il-prpġett qatt ma kienu se jwettquh. Imma kienu komdi jarmu flus il-poplu biex ibellgħuhielu li kienu se jagħmlu proġett li kien se jsolvi l-problemi kollha. Daħqu bin-nies bi flushom stess.

Issa għandna sitwazzjoni fejn it-traffiku mhux biss qed joħloq frustrazzjoni u rabja, imma qed iwassal ukoll għal stress u ansjetà. Dan minbarra li t-traffiku qed ikompli jżid it-tniġġis tal-arja f’pajjiżna b’effetti ħżiena fuq saħħitna, apparti l-impatt negattiv li qed iħalli wkoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Huwa ċar daqs il-kristall li anke fejn jidħol it-trasport, dan hu Gvern tad-dilettanti. Ħonoq it-toroq bil-karozzi, ħareġ liċenzji bl-addoċċ, ħalla servizz tat-trasport pubbliku li mhux kapaċi jaqdi l-bżonnijiet bażiċi tal-Maltin, u wikka lill-Għawdxin b’vapur medjokri li għalih qed inħallsu miljuni kbar.

Jidher li l-Prim Ministru mhux qed jeħel fit-traffiku bħalma jagħmel kwalunkwe ċittadin ieħor kuljum. Ma jista’ qatt jifhem dak li jiffaċċjaw mijiet ta’ eluf ta’ persuni kull ġurnata li tgħaddi minħabba l-inkompetenza tiegħu.

  • Pajjiżna jeħtieġ pjan serju għat-trasport. Il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet għal dan:
  • Tiġi implimentata sistema tat-trasport effiċjenti tal-massa
  • Ikun inċentivat l-użu u tittejjeb l-infrastruttura għal trasport alternattiv bħar-rota u oħrajn
  • Xogħlijiet tat-toroq isiru b’mod ippjanat u kkordinat biex ma joħolqux konġestjoni
  • Meta triq tinqala’ jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa biex ma terġax tinqala’ wara ftit żmien
  • Inċentivi għal min jiddeċiedi li jċedi l-karozza tiegħu għal numru ta’ snin biex juża t-trasport alternattiv

L-istess stħarriġ tat-Times jikkonferma wkoll kemm il-Partit Nazzjonalista qed jifhem il-weġgħat tan-nies hekk kif il-ġurnal ipoġġi l-għoli tal-ħajja bħala t-tieni l-aktar problema komuni li qed tolqot lill-Maltin u l-Għawdxin. Mhux ta’ b’xejn li ntlaqgħu tajjeb is-soluzzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward meta fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra ressaq Mozzjoni biex il-Kamra tindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja li qed teffettwa ħafna familji.

Mozzjoni li sfortunatament il-Gvern għamel minn kollox biex iħassar, u wera kemm jinsab maqtugħ mir-realtajiet tal-ħaddiema bil-paga, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-pensjonanti li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, min iħaddem, in-negozji ż-żgħar u medji, u s-self-employed.

Ħaddieħor ħoloq il-problemi. U min ħoloq il-problemi ma jistax isolvihom.

Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex joffri s-soluzzjonijiet fl-oqsma li l-aktar li qed jinkwetaw lill-Maltin u l-Għawdxin.

Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà

18.02.2025