Il-ħarsien tal-ġurnalisti jibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista, f’Malta u fl-Ewropa
F’dan il-kuntest, il-PN laqa’ r-riżoluzzjoni mressqa mill-EPP Women Defending Women’s Voices: Protecting Women in Media. L-MNPN, il-fergħa tan-nisa tal-Partit Nazzjonalista, kellha rwol ewlieni biex il-ħarsien tan-nisa fil-media jingħata attenzjoni fuq livell Ewropew u jiġu promossi soluzzjonijiet konkreti.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jressaq ’il quddiem il-prijoritajiet tiegħu dwar is-saltna tad-dritt u l-ħarsien tal-ġurnalisti waqt l-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li saret f’Toulouse fit-28 u d-29 ta’ Settembru.
Is-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea ltaqa’ u ddiskuta l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ta’ Mejju li għadda mal-President tal-PPE Manfred Weber, fost oħrajn.
Fl-intervent tiegħu waqt l-Assemblea, Beppe Galea enfasizza l-ħidma tal-PN biex imexxi ’l quddiem ir-riformi meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dan il-kuntest, il-PN laqa’ r-riżoluzzjoni mressqa mill-EPP Women Defending Women’s Voices: Protecting Women in Media. L-MNPN, il-fergħa tan-nisa tal-Partit Nazzjonalista, kellha rwol ewlieni biex il-ħarsien tan-nisa fil-media jingħata attenzjoni fuq livell Ewropew u jiġu promossi soluzzjonijiet konkreti.
Ir-riżoluzzjoni titlob li l-awtoritajiet Maltin jużaw kull mezz legali biex tiġi stabbilita l-verità u jinżammu responsabbli dawk kollha li kkummissjonaw, iffaċilitaw jew ħbew l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Titlob ukoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika indipendenti.
L-istess riżoluzzjoi tappella għal protezzjoni aktar b’saħħitha għall-ġurnalisti nisa kontra t-theddid, il-fastidju u l-vjolenza, inkluż online, kif ukoll għal azzjoni kontra l-użu ta’ kawżi abbużivi biex isikktu lill-media. Fost il-miżuri proposti hemm protezzjoni mill-pulizija fejn meħtieġ, assistenza legali, appoġġ għas-sigurtà diġitali u infurzar effettiv tar-regoli Ewropej dwar il-libertà tal-media.
“Il-ħarsien tal-ġurnalisti u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika huma impenji li jridu jissarrfu f’azzjoni. Il-PN qiegħed ikompli din il-ħidma b’determinazzjoni li nsaħħu s-saltna tad-dritt u l-kontabbiltà,” qal Beppe Galea.
Hu rringrazzja lill-EPP Women għall-inizjattiva u lill-MNPN għall-kontribut tagħhom u qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat li jaħdem għal istituzzjonijiet aktar b’saħħithom, ġurnaliżmu ħieles u ambjent fejn ebda ġurnalista ma jkollha tħallas prezz għoli talli twettaq xogħolha u tfittex il-verità.
30.09.2026
