Il-ħatra tal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista f’JobsPlus hija mossa perikoluża

Leonid McKay se jkollu aċċess għal data kruċjali li tista’ tintuża mill-Gvern għal finijiet politiċi

Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jieħu deċiżjonijiet li juru bl-aktar mod ċar li għalih m’hemmx distinzjoni bejn ir-rwol eżekuttiv tal-Gvern u r-rwol politiku tal-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista iqis il-ħatra tal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista bħala membru tal-bord ta’ Jobs Plus bħala manuvra perikoluża ħafna għax qed tagħti lill-istess tmexxija tal-partit aċċess għal informazzjoni u data kruċjali li l-Partit Laburista jista’ juża għall-fini politiċi partiġġjani. Wieħed jistaqsi kif minn daqs dawk persuni kkwalifikati li għandna f’pajjiżna, il-Gvern ħass li l-aktar wieħed kapaċi għal din il-kariga kien il-Kap Eżekuttiv tal-Labour.

Il-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ partit politiku fuq il-bord tal-Jobs Plus, kif qalet fir-rappurtaġġ tagħha The Shift News, jista’ biss iwassal għal indħil politiku u kunflitt serju ta’ interess. Leonid Mckay qatt ma jista’ jitqies bħala persuna bla agenda minħabba hekk.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li manuvrar ta’ dan it-tip, mit-taxxi mħallsa poplu, ikomplu jimminaw il-fiduċja tan-nies fil-politika u juri wkoll nuqqas serju ta’ fiduċja fil-kompetenza ta’ persuni li lesti li jagħtu s-servizz tagħhom f’bordijiet u awtoritajiet simili. Gvern li bil-kiem kien wiegħed il-meritokrazija, bil-fatti qed juri x’jemmen verament.

Claudette Buttigieg
Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda kontra d-Dijabete

Ivan J Bartolo
Shadow Minister għax-Xogħolu u Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda

Ivan Castillo
Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja

23.04.2025