Il-kaos f’lokalitajiet bħas-Swieqi ma jistax jibqa’ jiġi aċċettat bħala n-normalità
Dak li qed jiġri f’lokalitajiet bħas-Swieqi u f’żoni oħra madwar Malta ma jistax jibqa’ jiġi aċċettat bħala parti min-normalità ta’ kuljum.
Il-Gvern għandu jagħti lill-Pulizija u lill-Kunsilli Lokali r-riżorsi meħtieġa biex jipproteġu lir-residenti
Dak li qed jiġri f’lokalitajiet bħas-Swieqi u f’żoni oħra madwar Malta ma jistax jibqa’ jiġi aċċettat bħala parti min-normalità ta’ kuljum.
Ir-residenti qed ikollhom jgħixu fost storbju kontinwu, vandaliżmu, nuqqas ta’ ordni pubbliku, sitwazzjoni frustranti tal-iskart u l-biża’ li dan kollu se jkompli jiggrava minflok jissolva.
Qabel l-elezzjoni, il-Gvern qal ħafna kliem sabiħ dwar il-Malta li rridu ngħixu fiha. Iżda r-realtà li qed jgħixu ħafna familji hija waħda għal kollox differenti.
In-nuqqas ta’ rqad, l-istorbju matul il-lejl, l-atti ta’ vandaliżmu u s-sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà qed iħallu impatt serju fuq ħajjet in-nies.
In-nies għandhom id-dritt li jgħixu fi djarhom, li ħafna drabi jkunu xtraw – wara snin ta’ sagrifiċċji – fil-kwiet, fid-dinjità u fis-sigurtà.
Il-Gvern għandu jieħu azzjoni konkreta minnufih. Ma jistax jistenna li l-uffiċjali tal-Pulizija u l-Kunsilli Lokali jsolvu dawn il-problemi, li spiss huma r-riżultat ta’ deċiżjonijiet politiċi tal-Gvern stess, jekk jibqgħu mingħajr biżżejjed riżorsi, ħaddiema u mezzi ta’ infurzar.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-komunitajiet ma jistgħux jibqgħu jitħallew waħedhom quddiem sitwazzjoni li ilha sejra għall-agħar.
In-nies qed ibatu. Wasal iż-żmien li l-Gvern jieqaf bil-kliem sabiħ u jibda jwettaq dak li jwiegħed.
Wasal iż-żmien li l-Gvern jgħaddi mill-kliem għall-fatti.
Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà
Bernice Bonello
Shadow Minister għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
14.07.2026
- Ara l-messaġġ tax-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà hawn.