Il-kriżi tal-qtugħ tad-dawl tolqot bil-kbir lil Għawdex ukoll
Il-Ministru Miriam Dalli għandha tagħti rendikont lill-poplu u terfa’ r-responsabbiltà politika. Illum qabel għada.
Għadda ż-żmien tal-iskużi, jinħtieġ li tintrefa’ r-responsabbiltà politika
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Għawdxin li issa mess lilhom li jintlaqtu bil-kbir mill-kriżi tal-qtugħ tad-dawl, tort tal-inkompetenza tal-Gvern ta’ Robert Abela.
Il-lejl li għadda kien wieħed twil, diffiċli u ta’ tħassib għal għadd kbir ta’ Għawdxin: familji, anzjani, trabi u persuni vulnerabbli, kif ukoll għal bosta sidien ta’ negozji li kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ telf, ħsarat u diffikultajiet serji wara li baqgħu mingħajr elettriku għal sigħat twal. Bi wħud għadhom mingħajr provvista tal-elettriku sa issa.
Huwa inaċċettabli li sena wara l-oħra l-istess problema tkompli tiggrava u, minkejja l-wegħdiet u l-assigurazzjonijiet kollha tal-Gvern, xorta tibqa’ ma tissolviex.
Dan m’għadux każ iżolat jew inċident eċċezzjonali, iżda sitwazzjoni li qed terġa’ tirrepeti ruħha u tolqot direttament il-ħajja ta’ kuljum tal-familji u n-negozji tagħna.
Huwa ċar li fejn tidħol l-enerġija l-Gvern falla u issa l-poplu Għawdxi u Malti ma jridx aktar skużi. Irid soluzzjonijiet. Irid investiment. Irid ippjanar fit-tul u, fuq kollox, irid azzjoni konkreta.
Dak li qed nesperjenzaw illum huwa r-riżultat ta’ snin ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul, investiment li ma kienx biżżejjed u nuqqas ta’ azzjoni biex l-infrastruttura tal-elettriku tkun kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-pajjiż u mal-isfidi tal-lum u ta’ għada.
Din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli. Il-poplu ma jistax jibqa’ jħallas il-prezz ta’ nuqqasijiet li għalihom m’għandux ikun responsabbli.
Il-Ministru Miriam Dalli għandha tagħti rendikont lill-poplu u terfa’ r-responsabbiltà politika. Illum qabel għada.
Fl-istess waqt, għandna nirringrazzjaw lill-ħaddiema tal-Enemalta li ħadmu u għadhom qed jaħdmu sigħat twal, bla waqfien, biex jindirizzaw il-ħsarat u jirrestawraw il-provvista tal-elettriku. Dawn il-ħaddiema jistħoqqilhom kull tifħir għall-ħidma tagħhom; iżda r-responsabbiltà għall-ippjanar u għall-investiment hija tal-Gvern.
Frank Anthony Tabone
Shadow Minister għal Għawdex
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Ambjent u l-Enerġija
29.08.2026
- Agħfas hawn biex tara l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg dwar is-sitwazzjoni f’Għawdex.
- Agħfas hawn biex tara l-kumment tax-Shadow Minister għal Għawdex Frank Anthony Tabone.