Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni jerġa’ jikkonferma li l-Gvern irid jagħlaq ħalq l-għalliema u l-edukaturi

L-Ombudsman jikkundanna wkoll l-aħħar ċirkolari li ħareġ il-Gvern biex taparsi jbiddel id-direttiva oriġinali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman li wara talba mressqa mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri f’Novembru li għadda, ikkonkluda li ċ-ċirkolari maħruġa mill-Ministru għall-Edukazzjoni dwar il-kummenti tal-għalliema u l-edukaturi fil-media dwar materji marbutin mal-edukazzjoni tikser id-dritt tagħhom li jesprimu opinjoni personali.

Dan huwa t-tieni rapport tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq dan is-suġġett li wasal għall-istess konklużjoni. Fil-jiem li għaddew, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni ta l-istess verdett għal talba li saritlu minn organizzazzjonijiet oħra biex din iċ-ċirkolari tkun investigata.

Il-Kummissarju jgħid li ċ-ċirkolari DG DES 28/2024 tal-25 ta’ Settembru tal-2024, intitolata Policy on the Participation of Educators in Media Appearances in Their Professional Capacity, maħruġa mid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi kisret id-dritt li l-għalliema u l-edukaturi jitkellmu fil-media dwar is-sitwazzjoni fis-settur edukattiv.

F’dan it-tieni rapport konklużiv tiegħu ppubblikat ilbieraħ, wara t-talba tal-Partit Nazzjohnalista, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni jirrakkomanda lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jiċċara l-linji gwida u d-direttivi dwar il-parteċipazzjoni tal-għalliema u l-edukaturi fil-media biex ikollhom id-dritt li jaqsmu l-opinjonijiet personali tagħhom dwar l-edukazzjoni mingħajr il-biża’ li jiffaċċjaw proċeduri dixxiplinari jew riperkussjonijiet negattivi oħra.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni qed ikun ukoll kategoriku u jafferma li t-talba li saret mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri f’isem il-Partit Nazzjonalista, fil-kapaċità tiegħu bħala “individwu u għalliem” hi skont il-liġi.

Din iċ-ċirkolari kienet tispeċifika li l-għalliema u l-edukaturi jridu jitolbu bil-miktub l-approvazzjoni tad-Direttur Ġenerali biex jipparteċipaw fuq mezzi tal-media jekk in-natura tad-diskussjoni jkollha rabta mal-qasam edukattiv, waqt li torbothom isegwu l-policies u l-linji gwida tal-Ministeru u jevitaw dikjarazzjonijiet li jistgħu jinftiehmu bħala biased politikament jew li jistgħu jikkompromettu n-newtralità tas-sistema edukattiva. 

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni sab ukoll numru ta’ inkonsistenzi u kontradizzjonijiet fiċ-ċirkolari li kienet ġiet ikkritikata mid-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, mill-unions u minn numru kbir ta’ individwi pubbliċi oħra. L-MUT (Malta Union of Teachers) kienet ukoll nidiet petizzjoni nazzjonali kontriha. Issa l-Kummissarju għall-Edukazzjoni qed jikkonkludi li ċ-ċirkolari kienet tiċċensura l-libertà tal-espressjoni tal-għalliema u tal-edukaturi.

Sadanittant, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien kostrett li permezz ta’ ċirkolari oħra bid-data tal-4 ta’ Marzu tal-2025, jirtira ċ-ċirkolari ta’ Settembru 2024 u ħeġġeġ lill-uffiċjali pubbliċi biex jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-proċeduri stabbiliti fi tliet policies li jitkellmu dwar il-parteċipazzjoni politika u l-komunikazzjoni mal-media, il-kodiċi tal-management tas-servizz pubbliku, u l-policy dwar l-użu tal-media socjali fis-servizz pubbliku.

Madanakollu, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, fil-konklużjoni tiegħu, wissa li din l-aħħar ċirkolari maħruġa mill-Gvern biex taparsi jirtira l-ewwel direttiva ma tagħmilx sens, u ma twaqqa’ l-beda mod iċ-ċirkolari li dwarha tressaq l-ilment tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Għall-Partit Nazzjonalista, l-għalliema u l-edukaturi għandhom ikunu liberi jesprimu l-ideat tagħhom fil-pubbliku.

08.05.2025

Agħfas hawn għar-rapport bil-konklużjonijiet tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman