Il-Kunsill tal-Ewropa juri l-istess tħassib tal-PN dwar ir-riforma għad-drittijiet tal-bniedem
Fost l-oħrajn il-Kummissarju talab aktar indipendenza mill-gvern fil-ħatra tal-membri biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ħidmietha skont l-istandards internazzjonali. Dan huwa element essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq xogħolha b’mod effettiv, inkluż meta jkollha tiskrutinizza lill-gvern innifsu.
Jgħid li l-Gvern għandu jisma’, jikkonsulta u jtejjeb il-liġi biex il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza tkun tassew indipendenti u effettiva
Il-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, qed jesprimi l-istess tħassib u pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista meta jgħid li r-riforma dwar il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza teħtieġ titjib sostanzjali u konsultazzjoni serja.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li din ir-riforma hija importanti wisq biex il-Gvern jipprova jgħaġġilha mingħajr ma jagħmel il-konsultazzjoni xierqa.
Fost l-oħrajn il-Kummissarju talab aktar indipendenza mill-gvern fil-ħatra tal-membri biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ħidmietha skont l-istandards internazzjonali. Dan huwa element essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq xogħolha b’mod effettiv, inkluż meta jkollha tiskrutinizza lill-gvern innifsu.
Il-Partit Nazzjonalista kien diġà esprima l-istess tħassib dwar din ir-riforma fil-Parlament. Madankollu l-Gvern ma tax widen, u baqa’ għaddej bla ma kkonsulta.
Matul dawn l-aħħar xhur, l-Oppożizzjoni kienet qed tikkonsulta ma’ diversi NGOs. Saru diversi laqgħat bl-involviment ta’ esperti fis-suġġett. Il-PN jibqa’ jemmen fi djalogu wiesa’ biex il-Parlament jilleġiżla fl-aħjar interess tal-poplu. L-insistenza tal-PN kienet u tibqa’ li pajjiżna jkollu istituzzjoni b’saħħitha, indipendenti u kapaċi tiddefendi d-drittijiet ta’ kulħadd.
Il-fatt li l-Gvern issa qed jgħid li qed jirrikunsidra li jirrevedi aspetti tal-abbozz juri kemm kienet meħtieġa l-insistenza għal titjib. Issa l-Gvern għandu jippubblika t-tibdil propost u jiddiskutih mal-Oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili qabel ma jressqu fil-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għal riforma li tagħti lin-nies protezzjoni reali u ssaħħaħ il-fiduċja fl-istituzzjonijiet.
Id-drittijiet tal-bniedem jistħoqqilhom istituzzjoni li tkun ħielsa u li tiddefendihom.
Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili
09.10.2026