Il-Kunsillieri Lokali tal-PN f’Birżebbuġa jopponu l-pjanti l-ġodda għall-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza
Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Birżebbuġa jibqgħu jopponu l-esplojtazzjoni tal-art fl-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza, li biha art pubblika ta’ 2,000 metru kwadru se tinbiegħ lil żviluppatur biex tinbena f’appartamenti u mijiet ta’ metri kwadri oħra ta’ art tal-Enemalta se jinbidlu f’uffiċini u bini kummerċjali.
Il-Kunsillieri tal-PN jinnutaw li, għalkemm il-pjanti li ġew ippreżentati f’Diċembru li għadda u ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar huma pass ’il quddiem fuq dawk li kienu tressqu fil-bidu tal-applikazzjoni, tibdil li sar bis-saħħa tal-pressjoni tal-għaqdiet u tan-nies ta’ Birżebbuġa, dawn għadhom lura milli jisodisfaw il-bżonnijiet tal-komunità ta’ Birżebbuġa u l-mijiet ta’ nies li ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom fl-2023.
Dawn il-pjanti riveduti ġew approvati mingħajr ma saret ebda konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u wisq anqas mar-residenti anke wara li f’dan il-proġett żdied element kummerċjali ma’ dak residenzjali. Dan l-element se jkompli jżid mal-problemi ta’ parkeġġ, traffiku u ta’ infrastruttura f’din iż-żona.
Il-pjanti kif approvati jinkludu seba’ blokki ta’ bini, kollha ta’ aktar minn sitt sulari. Dawn il-blokki ta’ bini jinkludu erba’ blokki ta’ appartamenti u tliet blokki ta’ ħwienet u uffiċini. Mhux biss dawn il-blokki huma eċċessivament għoljin iżda se jbiddlu wkoll il-karattru ta’ din iż-żona u joħolqu inkonvenjent lir-residenti tal-madwar.
Il-Kunsillieri tal-PN jinsistu li kemm l-art pubblika kif ukoll dik tal-Enemalta, fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma, f’żona ta’ Birżebbuġa li għandha densità ta’ popolazzjoni għolja u li sofriet minn problemi ta’ industrijalizzazzjoni għal snin twal, għandha tintuża għall-ġid tal-komunità, speċjalment b’dar tal-anzjani li ilha mwiegħda lil dan il-lokaità għal snin twal u li qatt ma saret.
Għalhekk, il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu jemmnu li l-Gvern ma għandux jabdika mir-responsabbiltà tiegħu li jippjana l-użu ta’ din l-art bl-għan uniku li jtejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tan-nies tar-raħal ta’ Birżebbuġa.
Johann Borg
Minority Leader u Kunsillier tal-PN f’Birżebbuġa
Karel Zahra
Kunsillier tal-PN f’Birżebbuġa
Darren Debono
Kunsillier tal-PN f’Birżebbuġa
05.02.2025