Il-kunsillieri tal-PN fil-Gżira jikkundannaw l-atti vandali fil-lokalità
Jesprimu solidarjetà mar-residenti u s-sidien tan-negozji li fl-aħħar iljieli esperjenzaw vandaliżmu mal-bibien u l-faċċati tad-djar u l-ħwienet tagħhom
Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista tal-Gżira jikkundanaw bla riserva l-atti vandali li seħħew tul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u lbieraħ fil-lokalità.
Fl-istess ħin, jesprimu s-solidarjetà sħiħa tagħhom mar-residenti u s-sidien tan-negozji kollha tal-Gżira li tul dawn l-aħħar iljieli esperjenzaw vandalizmu mal-bibien u l-faċċati tad-djar u tal-ħwienet tagħhom. Atti simili ta’ vandalizmu qegħdin, sfortunatament, iseħħu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u ilhom ikunu kkundannati bil-qawwa mill-kunsilli lokali.
Atti ta’ vandalizmu bħal dawn ma jwasslu mkien ħlief għal aktar danni fi ħdan il-komunità tagħna, jpoġġu piż finanzjarju u emozzjonali fuq il-familji u n-negozji affettwati kif ukoll ikerrhu l-ambjent.
Inħeġġu lil kull min għandu xi informazzjoni dwar min wettaq dawn l-atti biex javviċina lill-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira jew lill-Kunsill Lokali tal-Gżira, inkella jagħmel kuntatt dirett mal-Pulizija biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa skont il-liġi.
Nappellaw ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiddedika iktar rizorsi umani kemm fil-Gżira kif ukoll fil-lokalitajiet tal-madwar biex ir-residenti jkollhom iktar serħan il-moħħ.
Fl-istess ħin, il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira jwiegħdu lill-Gżirjani kollha li se jkomplu jsegwu l-każ mill-viċin u se jkunu qed jaraw li l-Kunsill Lokali tal-Gzira jagħmel il-pressjoni kollha neċessarja mal-Gvern Ċentrali biex il-Gżira terġa’ ssir post iktar sigur.
Aaron Caruana
Minority Leader u Kunsillier Lokali tal-PN fil-Gżira
Jessica Borg
Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Gżira
Joyce Bray
Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Gżira
04.04.2026











