Il-kunsillieri tal-PN jaħdmu biss fl-interess tar-residenti

Il-Partit Laburista jibqa’ jinsa li l-kunsillieri qegħdin hemm biex iservu lir-residenti u mhux lilu

L-appell tal-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida sa mill-bidu nett biex il-kwistjoni tal-flyover ma tinbidilx f’logħba partiġjana waqa’ fuq widnejn torox, u issa l-Partit Laburista ħareġ jiddefendi l-indifensibbli.

Fil-bidu tas-seduta ta’ nhar it-Tlieta tal-Kunsill Lokali tal-Imsida, is-Sindku Charles Selvaggi talab lill-kunsillieri kollha biex id-diskussjoni dwar il-flyover tkun bejn Misidjani għall-Misidjani.

Hu ċar mill-istqarrija maħruġa llum, li l-Partit Laburista ma jħallix lill-kunsillieri tiegħu jivvutaw skont l-interess tal-Misidjani imma skont l-interess tal-Partit u tal-Gvern Laburista.

Il-kunsillieri Nazzjonalisti kienu u għadhom favur il-proġett kollu, inkluż l-ispazji miftuħa, iżda huma kontra l-bini tal-flyover fiċ-ċentru tal-Imsida.

Fl-aħħar xhur bosta Misidjani ta’ kull twemmin politiku esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar il-bini tal-flyover fil-qalba tal-Imsida. Kien għalhekk li l-kunsillieri tal-PN talbu diskussjoni lil hinn mit-twemmin politiku partiġjan. Imma jidher li għal-Labour dak li jaħseb ir-resident mhux importanti u jrid jibqa’ għaddej bħal gaffa fuq kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista jserraħ ras il-Misidjani kollha li l-ewwel interess tal-kunsillieri tiegħu kien, għadu, u se jibqa’ l-interess tal-Misidjani, il-kwalità tal-ħajja u r-rieda tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja sħiħa fil-kunsillieri tiegħu u jafdahom b’mod sħiħ biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jidhrilhom li huma meħtieġa fl-aqwa interess tar-residenti u tal-lokalità li huma jirrappreżentaw.