Il-kwalità tal-bajjiet hija mera tal-kwalità fit-turizmu
Malta ma tistax tibqa’ tibni l-politika turistika tagħha fuq in-numri biss. Is-suċċess fit-turiżmu jitkejjel ukoll bil-kwalità tal-esperjenza li noffru. Pajjiż li jaspira li jattira turiżmu ta’ valur miżjud għandu joffri ambjent nadif, baħar sigur u bajjiet li jkunu sors ta’ kburija nazzjonali.
Il-Bajja ta’ San Ġorġ – li fi żmien Gvern tal-PN kisbet uffiċjalment l-istatus ta’ Blue Flag – ikklassifikata bħala fost l-aktar bajjiet imniġġsa dan is-sajf
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib serju tiegħu wara l-aħħar rapporti fil-media dwar bajjiet Maltin li qed jiffaċċjaw problemi ta’ tniġġis proprju fil-qalba tal-istaġun turistiku.
Dawn l-aħbarijiet, ibbażati propju fuq data tad-Direttorat ghal-Protezzjoni tal-Ambjent, għandhom iqanqlu sens ta’ urġenza fil-Gvern, għax il-baħar nadif mhuwiex biss kwistjoni ambjentali u ta’ saħħa pubblika, iżda wieħed mill-aktar realtajiet importanti tal-prodott turistiku Malti.
Huwa inaċċettabbli li pajjiż li jiddependi tant fuq it-turiżmu jibqa’ jara episodji ripetuti ta’ twissijiet kontra l-għawm f’bajjiet popolari. Sew it-turisti li jżuru pajjizna kif ukoll il-familji Maltin jistħoqqilhom l-ogħla livell ta’ sigurtà u kwalità, mhux inċertezza dwar jekk il-baħar huwiex sigur għall-għawm.
Dan juri d-differenza ċara bejn żewġ viżjonijiet ta’ tmexxija. Fl-2004, taħt Gvern Nazzjonalista, bdiet inizjattiva ċara biex St George’s Bay tilħaq l-istandard internazzjonali tal-Blue Flag. Dak il-proġett kien mibni fuq investiment fil-kwalità tal-ilma, fit-tisfija tieghu, fil-ġestjoni tal-bajja, fl-indafa, fis-sigurtà u fis-sostenibbiltà, tant li ftit snin wara – fl-2009 – il-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan kisbet uffiċjalment l-istatus ta’ Blue Flag. Dan kien frott ta’ viżjoni li kienet tifhem li kwalità ogħla tfisser turiżmu aħjar u reputazzjoni aktar b’saħħitha għal Malta.
Illum, minflok nitkellmu dwar kif se nżidu n-numru ta’ bajjiet ta’ kwalità internazzjonali, qed nispiċċaw niddiskutu rapporti ta’ tniġġis u twissijiet kontra l-għawm. Tant li din il-bajja, flimkien ma’ dik tal-Balluta, ġew ikklassifikati bħala fost l-aktar bajjiet imniġġsa f’Malta dan is-sajf. Dan huwa pass lura li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta u lill-ħidma ta’ dawk kollha li jgħixu mill-industrija tat-turiżmu.
Il-Gvern għandu jieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà li tixraq. Mhux biżżejjed li jirreaġixxi meta tinqala’ problema; hemm bżonn pjan nazzjonali ta’ prevenzjoni, monitoraġġ kontinwu, infurzar effettiv kontra l-kawżi tat-tniġġis u investiment fil-ħarsien tal-infrastruttura tad-drenaġġ u tal-kosta. Kull episodju ta’ tniġġis għandu jiġi investigat b’mod trasparenti u l-pubbliku għandu jingħata spjegazzjonijiet ċari dwar il-kawżi u s-soluzzjonijiet.
Malta ma tistax tibqa’ tibni l-politika turistika tagħha fuq in-numri biss. Is-suċċess fit-turiżmu jitkejjel ukoll bil-kwalità tal-esperjenza li noffru. Pajjiż li jaspira li jattira turiżmu ta’ valur miżjud għandu joffri ambjent nadif, baħar sigur u bajjiet li jkunu sors ta’ kburija nazzjonali.
L-Oppożizzjoni tibqa’ impenjata li tippromwovi mudell turistiku msejjes fuq il-kwalità, is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali tagħna.
Il-baħar ta’ madwar Malta u Għawdex huwa patrimonju nazzjonali u għandu jiġi mħares b’għaqal, b’responsabbiltà u b’governanza serja.
Alex Perici Calascione
Shadow Minister ghat-Turizmu
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
06.08.2026