Il-Labour jerġa’ jikkopja proposta tal-PN li kien kontriha
Fl-aħħar jiem fl-Isptar Mater Dei reġgħu spikkaw xeni ta’ pazjenti fil-kurituri kaġun tan-nuqqas ta’ ppjanar u viżjoni fit-tul għal dan il-qasam li qed iwasslu għal pressjoni esaġerata ta’ pazjenti bi bżonn ta’ kura sekondarja.
Issa qed jistudja pjan biex jiftaħ l-isptar fit-Tramuntana ta’ Malta li fil-kampanja elettorali kien ikkritikah; il-PN jappella biex tiġi indirizzata b’mod urġenti s-sitwazzjoni tal-iffullar fl-Isptar Mater Dei li reġa’ jinsab għarkopptejh
Il-Gvern Laburista qed jerġa’ jikkopja u jagħmel tiegħu proposti li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista u li qabel kien jikkritikahom.
Ilbieraħ rajna kif il-Ministru għas-Saħħa issa qed jaqbel ma’ sptar fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta simili għal dak li hemm fin-Nofsinhar – proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-pjan tiegħu għall-qasam tas-saħħa, u li l-Labour kien ħareġ kontriha.
Jidher li dak li fil-kampanja elettorali qalulna li ma kienx possibbli u għamlu ħames ġimgħat jikkritikawh bl-aħrax, issa sar possibbli.
Mhux talli hekk. Imma talli b’dak li ħabbar Ian Borg fis-sigħat li għaddew meta qal li l-Gvern qed jistudja pjani biex jiftaħ ċentru reġjonali tas-saħħa fit-Tramuntana ta’ Malta fuq l-istess mudell tal-Paola Hub, qed jarmi għalkollox lill-predeċessur tiegħu.
Il-Ministru għas-Saħħa ta’ qabel Ian Borg, Jo Etienne Abela, kien warrab kompletament din il-possibbiltà, għax skont hu kienet xi ħaġa “impossibbli li ssir matematikament” minħabba r-riżorsi u l-istaff li jkun jeħtieġ sptar bħal dan.
Jidher issa, iżda, li l-Gvern reġa’ bdielu dwar il-Hub tat-Tramuntana u dak li ma kienx tajjeb qabel l-elezzjoni, u dak li sa ftit xhur ilu ma kienx vijabbli skont Jo Etienne Abela, sar tajjeb issa.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni ma tistax ma tilqax b’sodisfazzjon din l-aħbar li l-Gvern qed jistudja jekk għandux jadotta proposta li għamel il-PN fil-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, tilqa’ wkoll dak li qal Ian Borg waqt iż-żjara tiegħu fiċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran meta sostna li dawn l-isptarijiet f’reġjuni differenti tal-pajjiż ikunu jfissru sinerġija akbar bejn il-kura primarja u dik sekondarja – proprju dak li kien qed jgħid il-PN meta ħabbar il-pjan tiegħu għall-qasam tas-saħħa qabel l-aħħar elezzjoni.
Bħala parti minn din il-viżjoni għal qasam daqstant importanti, il-PN kien ippropona wkoll il-ftuħ ta’ Park Nazzjonali tas-Saħħa, li jgħaqqad flimkien l-ambjent naturali mal-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni u jippromwovi l-aħjar lifestyle li ttejjeb is-saħħa fiżika u mentali.
Dan il-proġett kellu jkun parti minn netwerk nazzjonali tas-saħħa, kura primarja u fil-komunità qrib tiegħek, b’erba’ sptarijiet u Park Nazzjonali tas-Saħħa.
Dan in-netwerk jiżgura distribuzzjoni ġusta tas-servizzi, inaqqas il-pressjoni fuq Mater Dei u jtejjeb l-aċċess għal kura qrib id-dar fejn tgħix, bi sptar f’kull reġjun ta’ pajjiżna.
Din mhix l-ewwel proposta fil-qasam tas-saħħa li l-Labour l-ewwel kien kontriha għax ħareġ biha l-PN, u mbagħad adottaha. L-istess għamel fir-rigward tal-pjan li ħabbar tul il-kampanja għal Karin Grech, St Luke’s u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u fil-każ tal-mediċini b’xejn għall-kura tal-kanċer u l-kimoterapija fid-djar tal-pazjenti.
Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza wkoll is-sitwazzjoni tal-iffullar fl-Isptar Mater Dei – proposta oħra li kien għamel il-PN tul il-kampanja elettorali biex dan l-isptar ilaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied, il-pazjenti jinqdew aħjar u l-istaff ikollu l-ambjent adegwat fejn jaħdem.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem reġgħu spikkaw f’dan l-isptar xeni ta’ pazjenti fil-kurituri kaġun tan-nuqqas ta’ ppjanar u viżjoni fit-tul għal dan il-qasam li qed iwasslu għal pressjoni esaġerata ta’ pazjenti bi bżonn ta’ kura sekondarja. Għaddew 13-il sena u Malta għadha bi sptar wieħed li jrid ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber għall-kura u s-servizzi. Iż-żieda fil-popolazzjoni mingħajr ippjanar għal din l-isfida qed twassal biex l-Isptar Mater Dei jinsab għarkopptejh b’ħaddiema jaħdmu bla waqfien u taħt pressjoni l-ħin kollu, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.
Is-swali mimlija bla spazju adegwat, b’pazjenti f’ambjent li ħafna drabi ma jixraqx, u issa wkoll is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Labour Ward għal nisa li jkunu se jixtru huma inaċċettabbli, kif mhumiex aċċettabbli s-sigħat twal ta’ stennija fl-emerġenza u x-xhur għal appuntamenti fl-outpatients jew għall-operazzjonijiet. Min ma jistax jinqeda fil-privat, qed jaqa’ lura.
Pazjent għandu jinqeda f’ħinu u f’waqtu, speċjalment f’każijiet urġenti kemm tas-saħħa fiżika u dik mentali. Pajjiżna għandu ħtieġa urġenti ta’ infrastruttura tas-saħħa li tkun kapaċi takkomoda ż-żieda fid-domanda, bi pjan li jelenka l-prijoritajiet biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet mingħajr aktar dewmien.
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
06.08.2026