Il-maġġoranza tal-iskejjel tal-Istat għadhom mingħajr l-arja kundizzjonata

Filwaqt li l-iskejjel issa għalqu l-bibien tagħhom għall-istudenti, din is-sitwazzjoni qed tikkawża tbatija lil mijiet ta’ studenti oħra li matul is-sajf jattendu s-sessjonijiet ta’ Skolasajf u Klabb 3-16 madwar il-pajjiż, kif ukoll għall-edukaturi li jipprovdu dawn is-servizzi.

Minkejja li l-Gvern Laburista kien wiegħed l-arja kundizzjonata fl-iskejjel kollha, f’sitwazzjoni ta’ heatwaves dejjem aktar intensi, mijiet ta’ studenti u edukaturi fi Skolasajf u Klabb 3-16 qed ibatu minħabba t-temperaturi għoljin

F’pajjiżna għad għandna l-maġġoranza l-kbira tal-iskejjel tal-Istat fejn studenti u edukaturi qed ikollhom jiffaċċjaw sħana eċċessiva mingħajr sistemi ta’ arja kundizzjonata.

Filwaqt li l-iskejjel issa għalqu l-bibien tagħhom għall-istudenti, din is-sitwazzjoni qed tikkawża tbatija lil mijiet ta’ studenti oħra li matul is-sajf jattendu s-sessjonijiet ta’ Skolasajf u Klabb 3-16 madwar il-pajjiż, kif ukoll għall-edukaturi li jipprovdu dawn is-servizzi.

Din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli, speċjalment f’dawn il-heatwaves dejjem aktar intensi. Il-klassijiet m’għandhomx ikunu ambjenti fejn it-tfal u l-edukaturi jkollhom ibatu minħabba temperaturi għoljin li jaffettwaw is-saħħa, il-konċentrazzjoni u t-tagħlim.

Il-Gvern qed jgħid li l-installazzjoni tal-arja kkundizzjonata se ssir “b’mod gradwali matul is-snin li ġejjin”. Iżda l-istudenti u l-edukaturi ma jistgħux jistennew snin sħaħ għal kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u tagħlim.

Il-Manifest Elettorali Laburista tal-2022 kien jgħid hekk: “Ninstallaw sistemi ta’ arja kundizzjonata fil-klassijiet u staff rooms fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex”. Imma minkejja li l-Gvern Laburista kien wiegħed li dawn kellhom isiru kollha sa qabel l-elezzjoni li għaddiet, din il-wegħda għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ, peress li għad hemm il-parti l-kbira tal-iskejjel u l-klassijiet li m’għandhomx sistemi ta’ arja kkundizzjonata installati.

Il-Partit Nazzjonalista, għalhekk, jinsisti mal-Gvern biex iħaffef dan il-programm u jippreżenta pjan ċar b’dati u skadenzi biex kull skola tkun mgħammra b’sistemi adegwati ta’ arja kundizzjonata. Fl-istess ħin, għandhom jittieħdu miżuri immedjati biex jitnaqqsu l-effetti tas-sħana, inkluż ventilazzjoni aħjar u arranġamenti li jħarsu s-saħħa u l-benesseri tal-istudenti u tal-edukaturi.

L-edukazzjoni ta’ kwalità tibda minn ambjent sigur u dinjituż.

Fl-2026, mhux aċċettabbli li għad hemm klassijiet fejn is-sħana tagħmel it-tagħlim u x-xogħol kważi impossibbli.

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza

21.07.2026