Il-mertu jmur lejn min ħaqqu
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea se tindirizza parti mill-effetti negattivi tal-ETS hi frott il-ħidma tal-istakeholders f’Malta u mhux grazzi għall-Ministri li naqsu li jipproteġu lis-settur
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea se tindirizza parti mill-effetti negattivi tal-ETS hi frott il-ħidma tal-istakeholders f’Malta u mhux grazzi għall-Ministri li naqsu li jipproteġu lis-settur
Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi tal-ETS fuq it-trasbord marittimu hija pass fid-direzzjoni t-tajba. Din hija aħbar pożittiva għal Malta u għal settur strateġiku għall-ekonomija tagħna.
Iżda huwa wkoll ironiku li, jumejn ilu, l-istess Ministri tal-Gvern Laburista li vvutaw favur l-introduzzjoni tal-EU ETS mingħajr ma l-ewwel żguraw protezzjoni adegwata għal pajjiżi gżejjer bħal Malta, pruvaw jieħdu l-mertu tar-riżultat li nkiseb grazzi biss għall-ħidma u l-evidenza ppreżentata mis-settur stess.
Il-fatti huma ċari. Kienu l-Malta Maritime Forum, il-Malta Freeport u stakeholders oħra tal-industrija, li pprovdew id-data u l-analiżi li wrew kif l-ETS kien qed joħloq żvantaġġ kompetittiv serju għal Malta.
Fl-istess ħin, Membri Parlamentari Ewropej minn diversi Stati Membri gżejjer ħadmu b’determinazzjoni biex dawn ir-realtajiet jiġu rikonoxxuti u kkoreġuti.
Il-Partit Nazzjonalista ilu konsistenti mill-bidu nett. Dejjem sostna li, filwaqt li nappoġġjaw il-miri ambjentali Ewropej, dawn qatt m’għandhom jiġu implimentati b’mod li jippenalizza pajjiżi gżejjer li jiddependu kważi esklussivament fuq it-trasport marittimu għall-konnettività, il-provvista u l-kompetittività ekonomika.
Fil-fatt, fil-ħidma politika tagħna dwar ir-reviżjoni tal-ETS, ressaqna proposti konkreti biex:
* l-Istati gżejjer jingħataw rikonoxximent permanenti fil-qafas tal-ETS;
* jiġu protetti l-hubs Ewropej tat-trasbord bħall-Malta Freeport;
* jitneħħa l-iżvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ portijiet barra l-UE;
* il-politika klimatika timxi id f’id mal-kompetittività u s-sigurtà ekonomika ta’ Malta.
Illum m’għandux ikun jum ta’ min jieħu l-mertu, iżda jum ta’ lezzjoni. Meta Malta tmur Brussell b’pożizzjoni bbażata fuq fatti, data u l-esperjenza tal-industrija, nistgħu nibdlu d-deċiżjonijiet Ewropej favur l-interess nazzjonali.
Issa rridu nkomplu naħdmu sabiex dawn il-proposti jiġu approvati fil-proċess leġiżlattiv Ewropew u nassiguraw li l-ebda politika Ewropea ma terġa’ tpoġġi lill-Istati Gżejjer fi żvantaġġ sempliċement minħabba l-ġeografija tagħhom.
Dan huwa l-impenn li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jwettaq b’konsistenza, serjetà u viżjoni.
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent
Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi
Peter Agius
Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista
20.07.2026