Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Ministru għal Għawdex jikkonfermaw li ma jafux ikejlu u ma jafux fuqiex qed jitkellmu

Fil-paniku li jinsab fih il-Labour, il-Ministri tiegħu qed iħawdu u qed jinkixfu kemm ma jafx fuqiex qed jitkellmu.

Fil-paniku li jinsab fih il-Labour, il-Ministri tiegħu qed iħawdu u qed jinkixfu kemm ma jafx fuqiex qed jitkellmu.

Huma jgħidu li “jiġġeneraw ‘il fuq minn 31,940.6 kWp ta’ enerġija prodotta mix-xemx kull sena”. Ma jagħmilx sens. Ma tistax tkejjel l-enerġija ġġenerata bil-kWp – dik hija l-kapaċità massima ta’ kemm jistgħu jiġġeneraw il-pannelli.

Kapaċità ta 31,940.6 kWp hija l-kapaċità tal-pannelli kollha f’Għawdex kollu. Li żgur ma toqgħodx fuq is-soqfa ta’ dawk l-iskejjel.

Jekk forsi ħadu żball u riedu jfissru, minflok, 31,940.6 kWh ta’ enerġija prodotta mix-xemx kull sena, mela allura l-problema hija ikbar milli qal il-PN, għax ikun ifisser li f’10 snin iġġeneraw seba’ darbiet inqas minn dak li joħroġ mir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari li wieġeb il-Ministru Clint Camilleri stess. In-numri ppubblikahom fir-risposta tiegħu l-Ministru Camilleri, u ma jistax ikun li l-pannelli qed jaħdmu u f’10 snin il-pannelli ġġeneraw biss l-ammonti li ta l-Ministru Camilleri.

L-inkompetenza u l-qerq tal-Labour fl-enerġija qegħdin kulma jmur ikomplu joħorgu fil-beraħ. Flok jagħtu reazzjonijiet qarrieqa u jiċħdu s-sewwa magħruf u l-informazzjoni li ppubblikaw huma stess, kien ikun aħjar kieku l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Ministru għal Għawdex ħadu azzjoni meta dawn ġew rapportati u raw li dawn is-sistemi jitranġaw biex ma jkomplux jitilfu aktar ġenerazzjoni ta’ enerġija.

Huwa biss Partit Nazzjonalista fil-Gvern li jista’ verament jirranġa t-traskuraġni, l-inkompetenza u t-telqa li ħalla warajh dan il-Gvern.

Il-PN lest jagħti nifs ġdid lis-settur tal-enerġija u lill-poplu Malti u Għawdxi.

07.05.2026