Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jagħti rendikont dwar is-sistemi li kellhom jipproteġu lil Grace Cassar
Il-vjolenza domestika mhijiex kwistjoni li tista’ tiġi injorata, posposta jew trattata bħala sempliċi formalità amministrattiva. Kull rapport għandu jittieħed bis-serjetà, jiġi evalwat b’urġenza u, fejn ikun meħtieġ, iwassal għal miżuri konkreti ta’ protezzjoni għall-vittma.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-informazzjoni rrappurtata minn Net News li, allegatament, ġurnata qabel seħħ id-delitt ta’ Grace Cassar, sar rapport lill-Pulizija mas-sezzjoni tal-vjolenza domestika li jinvolvi lil allegat qattiel, John Cassar.
Jekk dan ir-rapport sar, kif ġie rrappurtat, il-mistoqsija hija waħda ċara u urġenti: x’azzjoni ttieħdet biex tiġi protetta Grace Cassar, u għaliex għad m’hemmx tweġibiet dwar x’għamlu l-awtoritajiet?
Il-vjolenza domestika mhijiex kwistjoni li tista’ tiġi injorata, posposta jew trattata bħala sempliċi formalità amministrattiva. Kull rapport għandu jittieħed bis-serjetà, jiġi evalwat b’urġenza u, fejn ikun meħtieġ, iwassal għal miżuri konkreti ta’ protezzjoni għall-vittma.
Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jagħti rendikont politiku ċar dwar l-effettività tas-sistemi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu u dwar jekk dawn humiex kapaċi jwieġbu fil-ħin għal riskju potenzjali ta’ vjolenza domestika. Ma jistax ikun li, quddiem allegazzjonijiet daqstant serji, il-pubbliku jibqa’ mingħajr tweġibiet dwar jekk jekk is-sistemi li suppost qed jipproteġu lil dawk f’riskju ta’ vjolenza domestika humiex qed jaħdmu.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi:
- Ir-rapport li allegatament sar din il-ġimgħa ġie rreġistrat u investigat kif suppost?
- Saret valutazzjoni tar-riskju u ttieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi protetta Grace Cassar?
- Ġew ikkunsidrati l-passi legali u operattivi kollha disponibbli lill-awtoritajiet?
- Hemm protokolli ċari li jiggarantixxu li kull rapport ta’ vjolenza domestika jiġi segwit b’azzjoni f’waqtha?
- Il-Ministru Glenn Bedingfield jista’ jassigura lill-pubbliku li s-sistemi ta’ protezzjoni qed jaħdmu kif suppost u li l-ebda rapport ma jaqa’ bejn is-siġġijiet?
Il-fatt li l-Pulizija, skont ir-rapport ta’ Net News, għadha ma weġbitx għall-mistoqsijiet li sarulha ma jfissirx waħdu li ma ttieħdet ebda azzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-passi li setgħu ttieħdu jqajjem mistoqsijiet serji li għandhom jingħataw tweġiba mingħajr dewmien.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika għandha tkun prijorità assoluta. Is-sistemi tal-Istat għandhom jaħdmu biex jipprevjenu l-periklu u jipproteġu lill-vittmi, mhux sempliċement jirreaġixxu wara li jkun tard wisq.
Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu u jispjega x’qed isir biex ikun żgurat li s-sistemi ta’ protezzjoni jaħdmu tassew.
Il-vittmi tal-vjolenza domestika jistħoqqilhom aktar minn wegħdiet u silenzju. Jistħoqqilhom protezzjoni effettiva.
Conrad Borg Manché
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà
20.10.2026