Il-part-timers tal-Air Malta traduti minn Gvern li jiftaħar bid-drittijiet tal-ħaddiema
Min jiftaħar li jiddefendi lill-ħaddiema għandu jibda billi jagħti kont ta’ kif ġew trattati taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Il-ħaddiema jixirqilhom ġustizzja, rispett u gvern li jżomm kelmtu magħhom.
Il-Qorti tiddikjara li dik li kienet il-linja nazzjonali tal-ajru keċċiethom inġustament wara li żammithom fuq kuntratti zero-hour flok qaltilhom li qed titterminalhom l-impjieg
Waqt li l-Labour jiftaħar li waqqaf iż-zero-hour contracts, l-Air Malta – li kienet kumpanija tal-Istat – użat iż-żero working hours bħala skuża biex tkeċċi l-ħaddiema.
Fis-17 ta’ April li għadda, fi stqarrija uffiċjali li ironikament kienet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, il-Gvern Laburista ftaħar li waqqaf dawk li kienu magħrufa bħala zero-hour contracts. Fl-istess stqarrija, il-Gvern iddikjara li “d-dinjità fuq il-post tax-xogħol mhix negozjabbli”.
Issa, iżda, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-Air Malta ħalliet lil numru ta’ ħaddiema part-time fuq zero-hours – jiġifieri ma allokatilhom l-ebda shift u fi kliem ieħor ħalliethom fil-limbu – minflok qaltilhom li kienet qed titterminalhom l-impjieg. Il-Qorti ddikjarat li dawn il-ħaddiema tkeċċew inġustament.
Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.
Il-Gvern Laburista issa għandu jwieġeb kif it-trattament lil dawn il-ħaddiema part-time ta’ dik li kienet il-linja nazzjonali tal-ajru jammonta għal ħarsien tad-dinjità tagħhom kif qalilna ftit tax-xhur ilu.
Il-kontradizzjoni li nqabdu fiha dawn il-ħaddiema tmur lura għall-2022. F’Ottubru ta’ dik is-sena, Il-Partit Laburista ħabbar miżuri li kienu jinkludu t-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u l-projbizzjoni, b’eċċezzjonijiet, tal-kuntratti ta’ magħrufin bħala zero-hour contracts.
F’Novembru tal-istess sena, ħaddiema tal-Air Malta li kienu ilhom jingħataw xogħol regolari tħallew mingħajr sigħat. Tneħħielhom l-aċċess għas-sistemi u ntalbu jirritornaw il-passes tal-ajruport. Madankollu, l-Air Malta sostniet li ma kinitx keċċiethom, għax il-kuntratti tagħhom kienu jippermettulha tallokalhom żero sigħat. L-Air Malta baqgħet tiddefendi dan l-argument sal-appell, imma l-Qorti issa ċaħditu.
Din hija l-ipokrezija politika li l-Gvern irid jagħti kont tagħha. Jilgħabha tal-paladin li jipproteġi lill-ħaddiema, iżda mbagħad kumpanija tal-Istat taħt ir-responsabbiltà tiegħu ppruvat tiġġustifika t-trattament ta’ dawn il-ħaddiema bl-istess kuntratti li hu jiftaħar li waqqaf.
Il-fatt li l-liġi tipprevedi eċċezzjonijiet ma jħassarx dak li kkonfermat il-Qorti. Dawn il-ħaddiema tkeċċew inġustament. Lanqas id-deċiżjoni li jinżammu l-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ rtirar ma tħassar dan.
F’dan il-każ, ħaddiema li taw snin ta’ servizz kellhom jiġġieldu biex jiġi rikonoxxut li kienu tkeċċew. Dan hu trattament li jġib fix-xejn dak li jipprietka l-Labour dwar ir-rispett lejn il-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà politika, jagħti spjegazzjoni pubblika ta’ min iddeċieda u min approva dan it-trattament, u jiżgura li dawn il-ħaddiema jingħataw dak dovut lilhom. Għandu wkoll jistabbilixxi miżuri konkreti biex ħaddiema oħra f’entitajiet tal-Istat ma jgħaddux mill-istess esperjenza.
Min jiftaħar li jiddefendi lill-ħaddiema għandu jibda billi jagħti kont ta’ kif ġew trattati taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Il-ħaddiema jixirqilhom ġustizzja, rispett u gvern li jżomm kelmtu magħhom.
Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi
Ivan Castillo
Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli
Julian Borg
Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol
Annabelle Cilia
Kelliema għax-Xogħol
John Baptist Camilleri
Kelliem għall-Avjazzjoni
25.09.2026