Il-Partit Nazzjonalista jappella għall-kalma waqt li jħeġġeġ lill-Gvern jassigura l-ogħla standards ta’ sigurtà fl-iskejjel tagħna

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-dispjaċir għal dak li seħħ dalgħodu fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke fejn wara argument bejn żewġ studenti barranin ta’ 14-il sena, wieħed minnhom kien aggredit b’arma li taqta’ u bil-ponta u spiċċa kellu jiddaħħal l-isptar.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja assoluta fit-tmexxija tal-iskola u fl-investigazzjoni li qed issir, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dan il-każ li jkompli juri l-importanza tad-dixxiplina fl-iskejjel – aspett li l-Partit Nazzjonalista dejjem tah ħafna importanza.

Inċidenti bħal tal-lum iqajmu tħassib u jsejħu għal aktar miżuri biex l-għalliema, l-edukaturi u l-istudenti jħossuhom aktar siguri fl-iskola u biex l-ambjent olistiku tal-iskola ma jkunx mittiefes minn biżgħat u insigurezzi żejda.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li hemm proċess ġudizzjarju li se jibda. Għaldaqstant jappella għall-kalma filwaqt li jħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-passi kollha li hemm bżonn u jserraħ l-imħuħ tal-ġenituri, l-istudenti u l-edukaturi dwar is-sigurtà fl-iskejjel tagħna.

Il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar l-iskejjel f’każijiet bħal dawn tista’ tinbidel – u hemm bżonn li s-sistema edukattiva tagħna ma tiħux timbru ta’ nuqqas ta’ sigurtà. Għalhekk il-Gvern għandu obbligu li jieħu azzjoni biex il-ġenituri, l-istudenti u l-edukaturi jkunu jistgħu jkollhom serħan il-moħħ dwar is-sigurtà fl-iskejjel u li jkun hemm ambjent edukattiv sigur.

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà

01.12.2025