Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern idawwar ir-rotta u jinvesti fl-Università minflok iħalliha tegħreq waħidha

Il-flus li nonfqu fl-edukazzjoni mhumiex spiża imma investiment fil-futur ta’ wliedna u ta’ pajjiżna

Il-flus li l-Gvern jonfoq fl-edukazzjoni mhumiex spiża imma huma l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu fil-futur ta’ wliedna u ta’ pajjiżna.

Wara li llum t-Times of Malta ppubblikat artiklu li juri li d-defiċit tal-Università issa laħaq il-€11-il miljun, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex bħalma ġustament daħal għas-soċjetajiet mużikali meta ma setgħux ilaħħqu u tahom is-sostenn meħtieġ biex ikollhom każini minn fejn joperaw, għandu wkoll jagħti s-sostenn meħtieġ biex jiżgura li l-Università ta’ Malta tibqa’ topera bla xkiel u limitazzjonijiet.

Daqskemm hu importanti li nħarsu l-kultura ta’ pajjiżna daqsekk huwa importanti li nħarsu l-ogħla istituzzjoni edukattiva ta’ Malta – il-garanzija tal-iżvilupp akkademiku tal-ġenerazzjonijet tal-lum u tal-futur.

Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb għall-fatt li fl-aħħar xhur il-Gvern wera nuqqas serju ta’ impenn biex isostni l-Università li qed tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji.

L-aħħar rapport finanzjaru ta’ din l-istituzzjoni juri li l-Università qed tagħmel pass ’il quddiem u erbgħa lura fejn jidħlu l-finanzi tagħha, minkejja li għaddejja b’eżerċizzju ta’ cost-cutting biex tnaqqas l-ispejjeż.

L-Università spiċċat f’din is-sitwazzjoni primarjament minħabba li l-Gvern minflok kompla jinvesti fiha, qaċċat il-budget allokat lilha filwaqt li żied il-pagi tal-letturi li joħorġu mill-istess budget.

Huwa evidenti li l-Gvern m’għandu l-ebda interess li jagħti s-sostenn biex l-Università tkompli topera bla problemi u tkompli toffri l-iżvilupp akkademiku li jistennew li jsibu l-istudenti tagħna. Tant hu hekk li meta kien mistoqsi dwar il-problemi finanzjarji li qed tiffaċċja l-Università, ftit ilu l-Ministru Clyde Caruana mhux talli ma offra l-ebda sostenn imma talli kien qal li hu mxebba’ b’din is-sitwazzjoni u li għandha tkun l-Università li ssolvi l-problemi tagħha u tara kif tagħmel profitt.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex minflok iħalli lill-Università tfendi għal rasha u tegħreq waħidha, minnufih jagħtiha s-sostenn finanzjarju li hemm bżonn biex din tibqa’ topera kif mistenni minnha.

L-Università m’għandhiex tkun meqjusa bħala istituzzjoni kummerċjali li suppost tagħmel xi profitt imma bħala l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu jekk irridu li wliedna jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom u jekk irridu li pajjiżna jkollu istituzzjoni Universitarja li tixraq lil pajjiż modern Ewropew.

Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

03.03.2026