Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjiriet diretti bejn New York u Malta minn Delta Air Lines

It-titjiriet diretti mill-Ajruport Internazzjonali JFK fi New York lejn pajjiżna li bdew illum ifissru aħbar pożittiva għal pajjiżna u opportunità importanti għall-industrija turistika ta’ pajjiżna, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq Amerikan, li huwa magħruf għall-potenzjal tiegħu li jattira viżitaturi ta’ valur miżjud għoli.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon il-bidu tat-titjiriet diretti bejn New York u Malta mil-linja tal-ajru Delta Air Lines.

Dawn it-titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali John F. Kennedy (JFK) fi New York lejn pajjiżna li bdew illum ifissru aħbar pożittiva għal pajjiżna u opportunità importanti għall-industrija turistika ta’ pajjiżna, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq Amerikan, li huwa magħruf għall-potenzjal tiegħu li jattira viżitaturi ta’ valur miżjud għoli.

Din il-konnessjoni diretta bejn l-Istati Uniti u Malta se tkompli ssaħħaħ l-aċċessibbiltà ta’ Malta għal wieħed mill-akbar swieq fid-dinja u toħloq opportunitajiet ġodda mhux biss għat-turiżmu, iżda wkoll għan-negozju, l-investiment u l-iskambji kulturali.

Madankollu, din l-opportunità ġġib magħha wkoll responsabbiltà akbar għall-politiċi u dawk kollha involuti fit-tfassil tal-politika pubblika. Malta trid tkun ippreparata biex tilħaq l-aspettattivi ta’ turist li jivvjaġġa distanzi twal u li qiegħed ifittex esperjenza awtentika, ta’ kwalità u marbuta mal-identità unika ta’ Malta u Għawdex.

Għalhekk huwa essenzjali li nkomplu nħarsu u nsaħħu dak li jagħmel lil Malta unika: il-wirt storiku u kulturali tagħna, il-karattru tal-irħula u l-bliet tagħna, l-indafa tal-ispazji pubbliċi, il-kwalità estetika tal-ambjent mibni u naturali, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent li jdawwarna.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-suċċess fit-turiżmu tal-futur ma jitkejjilx biss bin-numri, iżda wkoll bil-kwalità tal-esperjenza li noffru lill-viżitaturi tagħna u bil-valur li dawn iħallu għall-ekonomija u l-komunitajiet tagħna.

Dan l-iżvilupp pożittivi għandu jservi bħala opportunità biex Malta tkompli timxi lejn mudell turistiku aktar sostenibbli, li jqiegħed il-kwalità qabel il-kwantità u li jżomm fiċ-ċentru tiegħu l-identità Maltija li tant tattira lil dawk li jagħżlu lil pajjiżna bħala destinazzjoni.

08.06.2026