Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-għarfien – għalkemm tard – tal-Istat Palestinjan mill-Gvern Malti
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-għarfien tal-Istat tal-Palestina mill-Gvern Malti, għalkemm dan messu ilu li sar. Il-PN kien ilu jinsisti mal-Gvern biex jagħmel dan, u jibqa’ jisħaq li l-Gvern messu rrikonoxxa l-Istat Palestinjan ħafna qabel, u dan f’konformità mal-impenn twil ta’ Malta favur il-ġustizzja, il-paċi u l-liġi internazzjonali.
Il-Gvern baqa’ jiddawwar fuq dan is-suġġett importanti, u d-deċiżjoni tal-lum mhi xejn għajr ir-rikonoxximent tad-dritt tal-poplu Palestinjan għas-sovranità tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-konvinzjoni soda tiegħu li l-unika triq għal paċi ġusta u dejjiema fir-reġjun hija s-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li tiżgura s-sigurtà u s-sovranità kemm tal-Iżrael kif ukoll tal-Palestina.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela issa jieħu pożizzjoni ċara, kuraġġjuża, inekwivoka u msejsa fuq il-prinċipji tas-sewwa dwar is-sanzjonijiet li qed jiġu proposti u s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael, fid-dawl tal-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan li ilu għaddej f’Gaza.
Beppe Fenech Adami
Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ
Beppe Galea
Segretarju Internazzjonali PN
22.09.2025