Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-EPP Farmers f’appoġġ sħiħ lil min jitmagħna

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-EPP Farmers f’appoġġ sħiħ lil min jitmagħna

Biex ilkoll ikollna s-sigurtà tal-ikel fuq il-mejda kuljum, għandna d-dover li nieħdu ħsieb lil min jitmagħna. Għalhekk, se nagħmlu minn kollox biex ngħinu lill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għajnuna u l-politika tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

Illum qed ningħaqdu mal-EPP Farmers – fergħa ġdida tal-Partit Popolari Ewropew – biex nagħtu kontribut attiv ħalli niffurmaw politika Ewropea mfassla madwar il-bżonnijiet tal-bidwi u r-raħħal Malti u l-ħtieġa tal-familji li jkollom ikel bnin u lokali.

Dan qalu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius hekk kif f’Valencia, fi Spanja, fejn għaddej il-Kungress tal-PPE, tkellem fil-laqgħa li matulha twaqqfet il-fergħa ġdida tal-Partit Popolari Ewropew, EPP Farmers.

Il-Partit Nazzjonalista kkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-fergħa ġdida tal-akbar partit politiku fl-Ewropa proprju waqt il-Kungress tal-PPE li lbieraħ ġie indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista – diskors li fih Bernard Grech wassal messaġġ ta’ tama lill-familji Maltin.

Din il-fergħa ġdida qed tiġi mwaqqfa bl-iskop li l-Ewropa tkun dejjem aktar attenta għall-bżonnijiet tal-bdiewa u r-raħħala, kif ukoll biex toħloq politika li tkun iffukata fuq il-bżonn tas-sigurtà tal-ikel tal-familji Ewropej.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipparteċipa b’mod attiv f’din il-fergħa, bil-ħsieb li jiżgura li l-politika Ewropea li se tkun imfassla tkun waħda aktar attenta għall-bżonnijiet ta’ Malta u b’mod speċjali tal-konsumatur Malti, li jeħtieġ aktar sigurtà tal-ikel frisk u prodotti lokali.

B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp, ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u Sajd Toni Bezzina qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li dejjem kien qrib il-bdiewa u r-raħħala, u li bħala gvern alternattiv, il-PN se jara li f’din il-fergħa l-ġdida tal-PPE juża l-benefiċċji kollha bħala membru biex jagħtu r-risposti għad-diversi sfidi li għandhom il-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżna bħalissa.

30.04.2025