Il-pazjenti jħallsu minn bwiethom u l-Gvern jaħli

Storja ppubblikata mit-Times of Malta dalgħodu turi kif il-Gvern uża nofs miljun mit-taxxi tagħna fuq lift u xogħol ieħor marbut mal-magna tas-Cyclotron – magna li nxtrat fi żmien il-Vitals għal €4 miljun u li suppost ilha tintuża għad-dijanjosi tal-kanċer.

Fi tliet snin nefaq nofs miljun fuq magna wieqfa li suppost qed tintuża għad-dijanjosi tal-kanċer

Il-Gvern nefaq nofs miljun ewro fuq magna wieqfa meta f’pajjiżna għandna eluf ta’ nies li qed ikollhom iħallsu minn bwiethom għal mediċini li mhumiex fuq il-formularju.

Storja ppubblikata mit-Times of Malta dalgħodu turi kif il-Gvern uża nofs miljun mit-taxxi tagħna fuq lift u xogħol ieħor marbut mal-magna tas-Cyclotron – magna li nxtrat fi żmien il-Vitals għal €4 miljun u li suppost ilha tintuża għad-dijanjosi tal-kanċer.

Il-poplu ħallas qares għal din il-konċessjoni u jidher li sal-lum għadu qed joħroġ il-flus minn butu.

Din l-istorja tweġġa’ lil ħafna pazjenti li qed jiġġieldu kontra din il-marda u li għadhom qed ikollhom imorru għand l-għaqdiet volontarji biex jieħdu l-kura tagħhom, jew li qed ikollhom iħallsu minn bwiethom għaliha.

Tweġġa’ wkoll lil eluf ta’ anzjani li qed jieklu mill-pensjoni tagħhom biex jixtru l-mediċini li mhux qed jagħtihom il-Gvern.

Filwaqt li l-ordnijiet tal-Qorti għandhom jiġu rispettati, l-iffriżar tal-2024 ma jispjegax is-snin u l-miljuni li nħlew qabel. Il-Gvern għandu jagħti rendikont sħiħ tal-ispiża u jispjega x’passi qed jieħu, fil-qafas tal-liġi, biex din il-magna tkun tista’ tibda tintuża għall-ġid tal-pazjenti.

Sadanittant nappellaw lill-Gvern biex fil-budget li ġej jiżgura fost l-oħrajn li l-anzjani jkollhom aċċess b’xejn għall-mediċini kollha li għandhom bżonn, li l-Continuous Glucose Monitoring machines ikunu disponibbli b’xejn għal kull min għandu bżonnhom, u li t-trattament tal-kanċer kollu jitpoġġa fuq il-formularju.

Għall-pazjenti, kull ġurnata mitlufa hi ġurnata li ma jistgħux jieħdu lura.

Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa

10.10.2026