Il-pazjenti tal-kanċer għandhom jingħataw il-mediċini li għandhom bżonn b’dinjità u mhux jiddependu mill-karità
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà sħiħa mal-pazjenti bil-kanċer u mal-familji tagħhom li, f’mument ta’ biża’, uġigħ u inċertezza, qed ikollhom jgħaddu minn proċessi burokratiċi u jistennew għajnuna karitattiva biex ikollhom aċċess għal trattament essenzjali.
Il-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh; il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jappella biex il-mediċini kollha tal-kanċer ikunu fuq il-formularju tal-Gvern
Il-pazjenti tal-kanċer qed ikollhom jibqgħu jiddependu fuq il-karità għax il-Gvern Laburista ilu s-snin ikaxkar saqajh u qed jibqa’ ma jagħtix lil dawn il-pazjenti l-kura li għandhom bżonn.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà sħiħa mal-pazjenti bil-kanċer u mal-familji tagħhom li, f’mument ta’ biża’, uġigħ u inċertezza, qed ikollhom jgħaddu minn proċessi burokratiċi u jistennew għajnuna karitattiva biex ikollhom aċċess għal trattament essenzjali.
Għal snin sħaħ, il-Partit Nazzjonalista insista li l-mediċini kollha tal-kanċer li huma approvati u meħtieġa għall-pazjenti għandhom jidħlu fuq il-formularju tal-Gvern, mingħajr ma wieħed ikollu jmur ‘l hawn u ‘l hemm jittallab għaliha. U dak li ġie żvelat illum dwar pazjenti b’Multiple Myeloma jikkonferma dak li l-PN ilu jinsisti dwaru. F’pajjiż Ewropew, b’sistema tas-saħħa pubblika li suppost tħares id-dinjità tal-bniedem, il-mediċina tal-kanċer m’għandhiex tiddependi minn jekk pazjent jgħaddix minn means test jew minn jekk jingħatax għajnuna mill-karità.
Il-Malta Community Chest Fund tagħmel ħidma imprezzabbli u għandha tibqa’ tkun sostnuta u msaħħa. Iżda l-karità għandha tkun ta’ sostenn addizzjonali, mhux sostitut għar-responsabbiltà tal-Istat. Il-Gvern ma jistax jibqa’ juża l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi bħala paraventu għal dak li qed ifalli fih hu.
Din mhix kwistjoni ta’ pjaċir politiku, iżda kwistjoni ta’ ġustizzja, ugwaljanza u dinjità.
Mhux aċċettabbli li pazjent wieħed ikollu aċċess għal trattament filwaqt li pazjent ieħor, b’kundizzjoni serja u bżonn urġenti, ikun mitlub ifittex għajnuna minn barra s-servizz tas-saħħa pubblika. Dan joħloq inġustizzji fi kwestjoni tant delikata, bħall-kura tal-kanċer, fejn min għandu biżżejjed mezzi jista’ jieħu l-kura, filwaqt li oħrajn jiġu mġiegħla jistennew, japplikaw u jittallbu.
Din hi inġustizzja u krudeltà li għandha tieqaf.
Robert Abela wiegħed li t-trattamenti kollha tal-kanċer se jkunu provduti b’xejn u fil-ħin permezz tas-servizz nazzjonali tas-saħħa. Imma sal-lum, il-pazjenti u l-familji tagħhom għadhom qed jistennew. F’mard bħall-kanċer, kull ġurnata bla kura tista’ tagħmel differenza.
Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern biex minnufih:
- jistabbilixxi proċess mgħaġġel biex mediċini tal-kanċer approvati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jiddaħħlu fuq il-formularju nazzjonali;
- jiżgura li l-pazjenti tal-kanċer ma jibqgħux jgħaddu minn proċessi ta’ means testing biex jingħataw kura essenzjali;
- jagħmel il-finanzjament tal-mediċini tal-kanċer prijorità nazzjonali fil-budget tas-saħħa.
Il-marda tal-kanċer hi diġà kiefra biżżejjed u kull min ikun għaddej minnha m’għandux bżonn aktar biża’ u inċertezza minħabba sistema li qed iddum wisq biex ittihom soluzzjoni.
Il-pazjenti tal-kanċer għandhom bżonn serħan il-moħħ, trattament fil-ħin u sistema li taħdem għalihom u mhux sistema li tibgħathom iħabbtu bieb ieħor.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-kura tal-kanċer għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, fil-ħin u b’dinjità.
Żmien il-wegħdi issa għadda. Il-Gvern għandu jibda jwettaq illum qabel għada. Il-kanċer ma jistenniex.
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
02.07.2026